Żejt iż-Żejtun, attività appoġġjata mill-Fondazzjoni Valletta 2018, tiċċelebra l-istaġun tal-ġbir taż-żebbuġ u t-tagħsir taż-żebbuġ għaż-żejt. Din l-attività se sseħħ nhar is-Sibt 23 ta’ Settembru filgħaxija u nhar il-Ħadd 24 ta’ Settembru filgħodu. L-isem Żejtun, fil-konnotazzjoni oriġinali tiegħu, għandu t-tifsira tal-frott tas-siġar taż-żebbuġ u s-siġra taż-żebbuġ ikkultivata, sinonima mal-Mediterran u popolari sa miż-żminijiet bibbliċi.

Kif jindika l-isem, il-koltivazzjoni tas-siġar taż-żebbuġ u l-prodotti sekondarji tagħhom kienu attività primarja fil-Kosta tan-Nofsinhar ta’ Malta fl-era Punika u Rumana, biż-Żejtun fiċ-ċentru. Matul is-snin, speċjalment bil-ħakma Għarbija ta’ Malta fi tmiem l-aħħar millennju, il-qoton gradwalment sar sostitut tas-siġra taż-żebbuġ. Fis-snin reċenti, il-kultivazzjoni tas-siġar taż-żebbuġ, it-tagħsir taż-żebbuġ għaż-żejt u l-assoċjazzjoni tiegħu ma’ dieta sana Mediterranja, għamlu rimonta. Żejt iż-Żejtun jiċċelebra u jfakkar dan kollu.

L-attività, organizzata mill-Kunsill Lokali taż-Żejtun, se tiġi mnedija s-Sibt 23 ta’ Settembru fis-7:30PM, bil-‘Bandu’ jħabbar l-avveniment, li se jiġi segwit minn sfilata ta’ folk tar-raħal u bdiewa fuq karrettuni jġorru l-ħsad taż-żebbuġ għat-tagħsir. Persuni jdoqqu t-tnabar u jġorru l-bnadar lebsin kostumi medjevali, kif ukoll kantanti u żeffiena folkloristiċi se jkunu preżenti. Għodod agrikoli, prodotti agrikoli tipiċi u arti folkloristika se jiġu eżebiti fl-ambjent ta’ villaġġ qadim u fiera. Se tingħata prominenza lis-siġra taż-żebbuġ. Ftajjar u ħobż Malti mdellka biż-żejt taż-żebbuġa frisk se jiġu mqassma bħala tnaqqira b’xejn. Siġar taż-żebbuġ u prodotti relatati se jkunu għall-bejgħ. Preżentazzjoni awdjoviżiva se tinkludi l-varjetajiet tas-siġar taż-żebbuġ u l-koltivazzjoni korretta tagħhom.

Il-ġurnata tas-Sibt, is-siti storiċi u ċiviċi importanti kollha se jkunu miftuħa għall-pubbliku. Fit-8.00AM tal-Ħadd 24 ta’ Settembru, sfilata ta’ żwiemel u annimali domestiċi se jieħdu sehem fit-tberik tradizzjonali fiċ-ċentru tar-raħal. Iż-żewġ klabbs tal-baned ċiviċi u l-kampnari tal-knejjes se jkunu wkoll miftuħa għall-pubbliku.