Minsuba fil-kapitali Valletta, BLITZ tispikka bħala ħubb ta’ attività b’firxa ta’ spazji flessibbli li jistgħu jakkomodaw diversi użi. L-organizazzjoni tappoġġa prattiki artistiċi sperimentali u radikali fil-forom kollha tagħhom billi toffri programm ta’ livell għoli li jiffoka fuq l-eżistenza fi żmienna, il-fluss ma jaqta’ xejn tagħha u l-omnipreżenza tal-kultura diġitali.
Bħala spazju artistiku kkurat, BLITZ tilqa’ talbiet għall-kiri ta’ spazju għal ħafna tipi ta’ avvenimenti, fosthom attvitajiet privati, workshops, konferenzi u seminars. Tipprovdi wkoll tagħmir awdjo-viżiv u servizz ta’ katering. Fost l-avvenimenti li tellgħet fl-imgħoddi kien hemm wiri ta’ films, tnedijiet ta’ kotba, kunċerti u taħditiet minn artisti.
Il-bini jospita wkoll il-programm ta’ residenza tiegħu. Ir-residenza BLITZ hija spazju uniku fil-qalba tal-kapitali li ser tkun Kapitali Kulturali Ewropea 2018. Ir-residenza hija maħsuba għal artisti, kuraturi, kittieba u riċerkaturi li jaħdmu f’diversi midja, fosthom (iżda mhux biss) iċ-ċinema, il-fotografija, il-mużika, stallazzjonijiet immersivi u pjattaformi diġitali. L-applikanti magħżula jingħataw spazju biex jaħdmu, jesperimentaw u jirriċerkaw il-proġett tagħhom li mbagħad fl-aħħar jilħaq il-milja tiegħu fi preżentazzjoni lill-pubbliku.
B’mod konformi mal-viżjoni kollaborattiva tagħha, BLITZ ikkoperat mad-Dipartiment tal-Arkitettura u d-Disinn Urban tal-Fakultà tal-Arti tal-Università ta’ Malta u mal-Fondazzjoni 808. Ikkoperat ukoll mal-Fondazzjoni Valletta 2018 sabiex ittella’ u tospita bosta proġetti appoġġjati mill-Fondazzjoni.
Għal iktar tagħrif żur is-sit elettroniku uffiċjali ta’ BLITZ.