L-edizzjonijiet tal-2016 u tal-2017 ittellgħu flimkien mal-Fondazzjoni Kreattività. Matul il-ġurnata, il-konferenza turi taħlita ta’ arti, mużika u teknoloġija marbuta mal-prestazzjoni u mal-produzzjoni tal-mużika elettronika: installazzjonijiet, taħditiet, workshops, sfidi, apparat, espożizzjonijiet u mbagħad prestazzjoni finali.
Fl-2018, Circuits ser jospita wkoll installazzjoni mużikali interattiva fil-Kavallier ta’ San Ġakbu, sensiela ta’ taħdidiet minn żewġ artisti internazzjonali tal-mużika elettronika, u prestazzjoni fuq sintetizzaturi modulari. L-istudenti tal-Università u tal-MCAST huma mistiedna jieħdu sehem fl-organizzazzjoni tal-konferenza li ġejja, li ser toffri possibiltajiet kbar ta’ netwerking fl-isferi tal-mużika elettronika, tal-mużika dinjija u tal-arti viżiva.