L-anzjani għandhom minjiera ta’ informazzjoni u ta’ esperjenza li jagħmilhom membri prezzjużi fil-komunitajiet tagħna. It-tfal, min-naħa l-oħra, fis-sempliċità tagħhom u bl-entużjażmu żagħżugħ tagħhom, huma ta’ ispirazzjoni.
Darba Waħda huwa proġett interġenerazzjonali li jagħti liż-żewġ ġenerazzjonijiet l-opportunità li jiltaqgħu fuq pjattaforma kreattiva. Permezz ta’ metodi kreattivi varji li jinkludu d-drama, il-logħob u l-eżerċizzji, l-arti u s-snajja’, l-istejjer u l-improvizzazzjoni, iż-żewġ ġenerazzjonijiet se jkollhom l-opportunità li jirrelataw, li jaqsmu, li jitgħallmu u joħolqu … u fuq kollox jieħdu gost flimkien. Dan il-proġett se jesplora din ir-relazzjoni u joħloq pont bejn iż-żewġ ġenerazzjonijiet.
Il-proġett huwa kkoordinat mill-prattikanta tad-drama applikata Anna Formosa u l-produzzjoni tal-proġett qiegħda ssir mill-Fondazzjoni Valletta 2018 bl-appoġġ ta’ numru ta’ kunsilli lokali li qegħdin jipparteċipaw.