Għaldaqstant l-artisti kontemporanji Maltin Adrian Celeste, Chiara Cassar, David Falzon, Janis Luste, Justine Navarro, Keita Onishi, Lara Manara, Sam Sultana, Sarah Maria Scicluna u Roderick Camilleri ser jesploraw l-ispontanjetà ta’ proċessi innovattivi ta’ ‘brainstorming’ biex jispjegaw in-nozzjoni tal-ħsieb diverġenti – proċess kreattiv li jikkunsidra diversi soluzzjonijiet potenzjali għal problema jew modi alternattivi kif nittrattaw kwistjoni. Ix-xogħlijiet tagħhom ser jidhru f’katalgu uffiċċjali li ser jakkumpanja l-wirja. L-artist li jippreżenta l-aħjar xogħol ser jingħata xahar residenza fil-Youkobo Art Space ta’ Tokyo, il-Ġappun, f’Awwissu tal-2017.

Divergent Thinkers ser tiftaħ nhar il-Ħamis 20 ta’ Ottubru 2016 fil-Mużew Marittimu, il-Birgu, u tintemm nhar il-Ġimgħa 18 ta’ Novembru 2016. It-tema magħżula għall-esebizzjoni ta’ din is-sena hija NAVIGATE. Minkejja l-assoċjazzjoni etimoloġika tagħha mal-kelma Latina ‘navis’, l-artisti żgħażagħ ser iġebbdu t-tifsira tagħha ferm lil hinn mis-sinifikat oriġinali tagħha u b’hekk jagħtu l-ħajja lill-kunċett kuratorjali li ssejset fuqu, sa mill-bidu nett, l-esebizzjoni nfisha.

Il-kuratur tal-esebizzjoni huwa Dr. Raphael Vella.