Malta Showcase: Portfolio 2016 qed jiġi ppjanat id f’id mal-Presidenza ta’ Malta tal-Kunsill tal-UE fl-2017, li tfisser li l-artisti magħżula jridu jkunu jistgħu imorru fuq sensiela uffiċjali ta’ preżentazzjonijiet ’il barra minn xtutna tul l-2017.
Wara li l-artist jibgħat l-applikazzjoni tiegħu, din tiġi evalwata minn grupp ta’ ġudikaturi li finalment jiddeċiedu liem xogħlijiet u artisti jidhru fil-Malta Showcase. Meta ssir l-applikazzjoni, ix-xogħlijiet iridu jkun diġa kkreati u disponibbli għal preżentazzjoni internazzjonali. Bis-saħħa ta’ Malta Showcase, hemm bosta opportunitajiet ġodda għall-artisti kif ukoll spazju għall-kollaborazzjoni bejn organizzazzjonijiet kulturali u sieħba internazzjonali. L-għan hu li produzzjonijiet ta’ kwalità għolja jkollhom ħajja li testendi lilhinn minn preżentazzjoni waħda jew ġimgħa ta’ festival.
Il-Malta Showcase hija opportunità kkoordinata mill-Fondazzjoni Valletta 2018 għall-atturi, mużiċisti u żeffiena biex jesportaw xogħolhom u jiżviluppaw il-karrieri tagħhom. L-udjenzi internazzjonali u komunikazzjoni mal-industrija kreattiva madwar id-dinja huma essenzjali għall-iżvilupp tas-settur lokalment u l-professjonaliżmu tal-artisti.
L-ewwel edizzjoni ta’ Malta Showcase, ‘Portfolio 2014’, tnediet f’Lulju f’kollaborazzjoni ma’ ŻiguŻajg Festival tal-Arti għat-Tfal u ż-Żgħażagħ, li jesponi fost l-aqwa fir-repertorju Malti tat-teatru, mużika, preżentazzjonijiet interattivi u kummiedji għal udjenza żagħżugħa. Dawn il-preżentazzjonijiet kienu kkummisjonati minn ŻiguŻajg għal dawn l-aħħar tliet snin.