Kull sena f’Ottubru, Notte Bianca tixgħel il-pajsaġġi Beltin b’ċelebrazzjoni notturna spettakolari ta’ nies, kultura u arti. It-toroq u l-postijiet kulturali fil-kapitali Maltija jilqgħu fihom taħlita mżewqa ta’ divertiment.
Il-palazzi u l-mużewijiet statali jiftħu l-bibien tagħhom biex ipaxxu lill-patruni b’esebizzjonijiet ta’ arti viżiva u bi prestazzjonijiet teatrali, filwaqt li t-toroq u l-pjazez miftuħa jsiru pjattaforma għal wħud mill-ifjen mużiċisti u żeffiena lokali u internazzjonali. Il-kafes u r-ristoranti jibqgħu miftuħa u jokkupaw it-triq sat-tard bi mwejjed u bankarelli tal-ikel.
Notte Bianca tagħti l-ħajja lill-Belt kollha, minn Bieb il-Belt sal-Forti Sant Iermu, filwaqt li tiżgura lejl memorabbli li tabilħaqq joffri xi ħaġa lil kulħadd.