Il-Programm ta’ Residenza tal-Artisti taċ- Ċentru tax-Xjenza Interattiva Esplora jippromwovi r-rakkontar tal-istejjer fost diversi professjonisti, filwaqt li joħloq il-pedamenti għal komunikazzjoni aktar attraenti u dinamika ta’ kontenut xjentifiku. Fl-Esplora x-xjenza u l-istejjer huma kkunsidrati bħala żewġ modi differenti iżda kumplimentari li bihom nifhmu d-dinja tagħna – żewġ oqsma li jaqsmu t-tiftixa għall-verità u t-tifsira.

Filwaqt li dejjem ifittex modi innovattivi sabiex jinvolvi lit-tfal u ż-żgħażagħ f’suġġetti xjentifiċi u fl-istess ħin jistimula sens akbar ta’ direzzjoni u skop, dan il-programm li jħares ‘il quddiem huwa opportunità unika għal edukaturi u professjonisti kreattivi oħrajn. Huwa appoġġjat minn Valletta 2018 u jibqa’ għaddej matul is-sena tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura tagħna.