Storyworks huwa programm li jiffoka fuq l-iżvilupp ta’ skripts ċinematografiċi. Il-parteċipanti jtejbu l-ħiliet tagħhom fil-kitba tal-iskripts filwaqt li l-proġetti tagħhom jingħataw gwida minn esperti. L-għan aħħari ta’ kull proġett huwa l-finanzjament u l-produzzjoni. Il-produtturi, id-direttur, l-edituri u l-membri l-oħra tat-tim kreattiv irċevew l-istedina biex jieħdu sehem fil-programm sabiex il-parteċipanti jirfinaw u jiżviluppaw il-kompetenzi fir-rakkont ċinematografiku sal-ogħla potenzjal possibbli tat-tim kreattiv. Il-programm tfassal biex jakkomoda livelli ta’ esperjenza u kompetenza differenti.
Din is-sena Storyworks tmexxa taħt it-tutela tal-Professur tax-Xeneġġjatura fl-University of Southern California David Howard, tal-konsulent tal-iżvilupp tal-iskripts u għalliem fl-University of Southern California Martin Daniel, u tal-konsulenta ċinematografika internazzjonali Mary Kate O Flanagan li tagħti taħriġ fl-industrija tax-xeneġġjatura lill-professjonisti fil-qasam permezz tad-dixxiplina tal-iżvilupp tal-proġetti ċinematografiċi. It-tuturi qegħdin jaħdmu ma’ għadd ta’ individwi li jvarjaw bejn prinċipjanti sa kittieba tal-iskripts li rebħu premji internazzjonali. L-edizzjoni ta’ din is-sena ta’ Storyworks saret bejn it-13 u d-19 ta’ Marzu.
Permezz ta’ sejħa miftuħa l-applikazzjonijiet kienu stiednu lill-kittieba jressqu abbozz għal proġetti ta’ films sħaħ. Il-kittieba magħżula u l-kollaboraturi kreattivi ħadu sehem f’sessjonijiet li ffokaw fuq l-iżvilupp tal-kompetenza fin-narrattiva ċinematografika. Dan il-programm tfassal għal proġetti maħsuba għal żvilupp intensiv sabiex f’dan l-istadju jkomplu jiġu żviluppati l-ħiliet rilevanti tat-tim kreattiv rispettiv u tingħata gwida xierqa lil kull proġett. B’hekk l-artisti jingħataw l-aqwa opportunità li jattiraw il-finanzjament meħtieġ u biex fl-aħħar iseħħilhom jilħqu l-usa’ udjenza possibbli.
B’kontribut ma jaqta’ xejn Storyworks beħsiebu jwassal tliet jew erba’ proġetti ċinematografiċi minn fost dawn kollha sal-punt li jkunu lesti għall-produzzjoni sal-2017/2018. Sa dan iż-żmien għadd ta’ produtturi u kittieba tal-iskripts b’aspirazzjonijiet f’dan il-qasam ikunu rċevew it-taħriġ meħtieġ fin-narrattiva ċinematografika. Bejn l-2015 u l-2018 l-individwi li jkunu tħarrġu bis-sħiħ f’dan il-qasam ser iħarrġu persuni oħrajn f’ċiklu ta’ żvilupp u ta’ bini ta’ kompetenza. Għaldaqstant il-proġett iwitti t-triq għal grupp żgħir ta’ produtturi u narraturi b’ambizzjonijiet ċinematografiċi biex sal-2018 jiżviluppaw it-teknika tagħhom bis-sod.
Il-proġett Storyworks qiegħed jittella’ bil-kollaborazzjoni tal-Malta Film Commission, tal-Kunsill Malti tal-Arti u ta’ Spazju Kreattiv flimkien mal-parteċipazzjoni tal-MCAST.
Ritratti: Jonathan Borg