Tafxnaf twieled mix-xewqa li t-tfal jingħataw modi ġodda kif jgħidu l-istejjer tagħhom, għodda ġdida biex  jaqsmu l-ħsibijiet tagħhom u mezzi ġodda kif jippermettulna naraw id-dinja mill-għajnejn tagħhom. Tafxnaf twieled minn kollaborazzjoni bejn instituzzjonijiet f’Leuuwarden 2018 u Aarhus 2017, u jinvolvi lit-tfal f’kull stadju tal-proġett sabiex ikun verament il-proġett ‘tagħhom’.

Fil-bidu tiegħu, Tafxnaf jistieden lill-istudenti kollha f’Malta u f’Għawdex li jinsabu fil-Form 2, jew l-ekwivalenti tagħha, biex jaqsmu u jippubblikaw il-ħsibijiet u l-ħolm fil-forma ta’ storja. Bl-għajnuna ta’ għalliema tal-Klassijiet tal-Iżvilupp Personali, Soċjali u tal-Karrieri (PSCD), it-tfal se jiġu ggwidati tul il-proċess li jissottomettu storja – bil-kitba jew bħala tpenġija. Dawn l-istejjer kollha se jiġu ppubblikati fi pjattaforma onlajn.

It-tfal fil-klassijiet individwali, u sussegwentement dawk involuti fil-Kunsill għat-Tfal, imbagħad se jagħżlu 25 mill-mijiet ta’ stejjer li jkunu ntbagħtu. L-awturi ċkejkna ta’ dawn il-25 storja mbagħad se jiġu mistiedna biex jipparteċipaw f’serje ta’ workshops imqassma f’numru ta’ weekends li fihom se jingħataw apprezzament tal-films iżda wkoll taħriġ dwar kif joħolqu film. Matul dan il-perjodu taż-żmien, it-tfal se jiżviluppaw aktar l-istejjer tagħhom sakemm, f’għażla finali mill-parteċipanti nfushom, l-aqwa ħames stejjer jintgħażlu. Ħames timijiet żgħar ta’ tfal (u xi ftit professjonisti biex jassistu) imbagħad se jipproduċu u joħolqu film f’ġimgħa f’Lulju jew f’Awwissu tal-2017.

Il-films imbagħad se jintwerew f’avveniment grandjuż f’Malta fl-2018, bħala parti mill-Programm Kulturali tal-Valletta 2018, u se jintwerew ukoll f’avvenimenti simili f’Leeuwarden u Aarhus.

Bħalissa hemm sejħa miftuħa biex it-tfal jiktbu l-istejjer tagħhom sabiex jipparteċipaw fil-proġett. Għal formola tal-applikazzjoni, staqsi lill-għalliem/a tal-PSCD tiegħek. Għal aktar informazzjoni żur din il-ħolqa.