Il-mużika mhix sempliċiment divertenti, imma tgħin ukoll biex tirrilassa u tħossok aħjar. Il-Fondazzjoni Valletta 2018 qed tikkollabora mal-mużiċist ta’ Tribali, Peter Paul Galea, biex tħeġġeġ kull tifel u tifla iħossuhom aħjar.
Wara dimostrazzjoni minn Peter Paul, jibda l-gost għax it-tfal jibdew jipproduċu l-ħsejjes tagħhom. L-għan hu li tfal b’kapaċitajiet differenti jkunu jistgħu jieħdu gost f’ambjent protett filwaqt li ukoll idoqqu naqra mużika. Tul dawn il-workshops, it-tfal jitgħallmu dwar ir-ritmu u d-daqqa bid-daqq tat-tanbur, taħbit u ċaqlieq ieħor.
Il-perkussjoni hija l-iktar forma ta’ mużika sempliċi li tista’ tinqasam faċilment bejn it-tfal u l-ġenituri tagħhom, biex tgħaqqadhom flimkien fl-istess esperjenza mużikali li tgħin il-benesseru tagħhom. Bis-saħħa ta’ dan il-metodu faċli ta’ kif tagħmel il-mużika, il-perkussjoni tista’ tirrilassa lil tfal b’kapaċitajiet varji u tgħinhom iħossuhom aktar komdi, filwaqt li tgħin ukoll bl-aġir tagħhom ma’ nies oħra – speċjalment f’każijiet ta’ awtiżmu. Mużika bħal din ċertament tgħin biex tiffoka aktar l-attenzjoni tiegħek, issir komunikazzjoni iktar libera, u kif ukoll kuxjenza fuq il-ġisem u l-koordinazzjoni tiegħu.
L-ewwel darba li saret Happy Jam kienet fiċ-ċentru tar-riżorsi San Miguel bħala parti minn ŻiguŻajg, il-Festival tal-Arti għat-Tfal u ż-Żagħżagħ, f’Novembru 2014. Madwar 60 tifel u tifla minn dan iċ-ċentru u l-iskola primarja ta’ Marsaskala ħadu sehem f’tliet workshops li ddiriġiehom Peter Paul Galea.