Dan l-avveniment, proġett ieħor tal-Fondazzjoni Valletta 2018, intlaqa’ b’entużjażmu kbir. F’ċelebrazzjoni li sseħħ fi tmiem il-ġimgħa, l-akbar spazju miftuħ fil-Belt Valletta, Pjazza San Ġorġ, jitlibbes b’tapit magħmul kompletament bil-fjuri, li jammontaw għal madwar 80,000 pjanta. Din is-sena, il-Valletta Green Festival sar mid-29 sal-31 ta’ Mejju 2015, u se jerġa jsir kull sena, dejjem f’Mejju, bl-intenzjoni li jikber iktar tul is-snin li ġejjin.
L-ewwel edizzjoni tal-Valletta Green Festival ksiet lil Pjazza San Ġorġ b’installazzjoni ta’ fjuri enormi li hi kbira madwar 400 metru kwadru. L-infioriata inħolqot minn fjuri tal-istaġun li ntrabtu flimkien sodi, u li rriżultaw f’taħlita kkulurita ta’ bjuda, roża, vjola, sfurija u ħmura.
L-għan tal-infioriata hu li tispira lir-residenti biex jibdew jżidu aktar żoni ħodor fl-ibliet u villaġġi tagħhom. Il-ġonna ta’ fuq il-bjut, per eżempju, huma faċli biex isiru, jagħmlu żoni iktar mibnijin ferm isbaħ u jżommu t-temperaturi aktar baxxi tul is-sajf.
Il-proġett huwa frott il-kollaborazzjoni bejn il-Fondazzjoni Valletta 2018 u l-Ministeru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u l-Bidla fil-Klima, il-Konsorzju tal-Ippjanar tal-Ambjent, id-Dipartiment tal-P.A.R.K.S., li jifforma parti mill-kampanja tat-Tree 4 U (34U); u WasteServ Malta Ltd.