Is-Suq tal-Belt kien mibni fis-sittinijiet tas-seklu dsatax taħt it-tmexxija Ingliża. Għalkemm għad fadal ftit negozji li joperaw minn ġo dan is-suq, ħafna minnu ntelaq tul is-snin. Ir-riġenerazzjoni tas-suq tal-Belt, li jinsab fil-qalba ta’ Triq il-Merkanti, ilha meħtieġa. Din il-ġawhra minsija jistħoqqilha li tkun restawrata sabiex terġa tikseb is-sbuħija li kellha, u terġa’ ssir ċentru tal-attività.
Il-proċess ta’ valutazzjoni tal-ideat u proposti għar-riġenerazzjoni tas-suq jinsab fi stadju avvanzat. Ir-riġenerazzjoni trid tqis il-karattru storiku tas-sit, biex tirrispetta l-kredenzjali tal-Belt Valletta bħala sit ta’ Wirt Dinji u bħala Belt Kapitali Ewropea tal-Kultura tal-futur.
Il-proġett se jsir permezz ta’ public private partnership u se jwassal għal riġenerazzjoni ekonomika, soċjali u urbana. Id-disinn tal-bini, li l-parti ta’ ġewwa tiegħu hu maħdum mill-ferrobattut, se jservi ta’ ispirazzjoni għal xogħlijiet li ’l quddiem se jsiru fuq il-post, u li se jinkludu xogħol ta’ restawr tal-bini u l-faċċata.
Ix-xogħol fuq il-proġett beda fit-tieni nofs tal-2014 u se jkun lest sal-2017. L-investiment se jkun ta’ madwar €8 miljun u meta jitlesta, se jwassal għall-ħolqien ta’ 140 post tax-xogħol. Il-proġett għandu l-għan li jagħti spinta lill-attività soċjali, ekonomika u kulturali fil-Belt Valletta kif ukoll fil-madwar.
Meta jkun restawrat, is-suq mhux se jintuża biss biex minnu jinbigħu l-ħaxix u l-frott, kif qed isir bħalissa. Se jkun hemm ukoll diversi ħwienet żgħar tal-ikel u żona ta’ mistrieħ. 15% tal-bini se jinżamm għall-attività kulturali.