Leanne Ellul tgħidilna ftit dwar iż-żewġ films li se jintwerew għall-ewwel darba waqt il-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta bħala parti mill-proġett ‘Poetry on Film’ li huwa parti mill-programm kulturali ta’ Valletta 2018. Kitba ta’ Leanne Ellul…

Sa ma wasalna għall-għażla ta’ żewġ films tal-poeżija tellajna, niżżilna, qallibna, fittixna, u ktibna …

Il-proġett “Poetry on Film” huwa innovattiv fil-kuntest lokali għaliex jaqbad poeżiji bil-Malti u jinsiġhom f’film; poeżiji li huma fertili u jissuġġerixxu xejriet interessanti li l-film stess jikkapitalizza fuqhom u jimraħ permezz tagħhom.

Din is-sena, Immanuel Mifsud beda billi għażel xi poeżiji ta’ Lillian Sciberras u Ray Mahoney, bħala rappreżentanti tal-poeżija/letteratura Maltija tat-tmeninijiet. F’Marzu dawk interessati kellhom workshop ma’ Yasmin Fedda (Highlight Arts) u wara nfetħet is-sejħa għas-sottomissjoni tal-proposti. Minn fost disa’ proposti bi pjaċir inħabbru li ngħażlu Meta tiġi MariRos ta’ Lillian Sciberras, addattata għal film minn Shadeena Films taħt it-tmexxija ta’ Martin Bonnici, u l-film LOML minn Gilbert Calleja u Matthew Attard ibbażat fuq il-poeżija Tibqa’ Int ta’ Ray Mahoney.

Wara l-kwinti: Meta tiġi MariRos. Ritratt: Mia Sarah Baldacchino

Imma sewwa sew, min hi MariRos? Kif timmaġina li tkun persuna li jisimha MariRos? U għaliex meta tiġi hi d-dinja donnha tieqaf u kulħadd jissendikaha? Din il-poeżija għandha laqta umoristika, xi ħaġa li se tinżamm fil-film stess. Shadeena qed jużaw teknika li sa issa, f’dan il-proġett, qatt ma rajna bħalha. U tibqa’ int? Min hu jew hi din l-int fil-poeżija? U fil-film? Żgur mhux MariRos. Is-saffi tal-film li qed jippreżentaw Gilbert Calleja u Matthew Attard se joffru sfida sfiqa lil dawk li se jesperjenzaw dan il-film li jistħarreġ l-emozzjonijiet tal-mezzi moderni ta’ komunikazzjoni immedjata.

Proġett bħal dan huwa dinamiku għax il-poeżiji huma l-punt tat-tluq. Minn hemm, dawk involuti huma liberi li jippreżentaw interpretazzjonijiet, spunti, ħsus, u sensazzjonijiet diversi tal-poeżija. Għalhekk mhux biss interessanti l-poeżiji fihom infushom imma dak li se jissarrfu fih. Il-film ikattar is-suġġerimenti li diġà toffri l-poeżija permezz tal-viżwal, l-azzjoni, u l-mużika fost l-oħrajn.

Xena mill-film LOML

Xena mill-film LOML li qed jinħadem minn Gilbert Calleja u Matthew Attard

Dawn iż-żewġ films se jidhru għall-ewwel darba waqt il-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta ġewwa l-Forti Sant’ Iermu l-aħħar wikend t’Awwissu. Meta tiġi MariRos se jintwera waqt is-serata tal-Ħamis 25, filwaqt li Tibqa’ Int se jintwera waqt is-serata tas-Sibt 27. Dakinhar li nniedu l-films tgħid fostna jkun hemm xi MariRos? Jekk tiġi, nistednuha tibqa’ …

Dan il-proġett hu mtella’ mill-Fondazzjoni Valletta 2018 bi sħab ma’ Inizjamed.