Bħala parti mit-tieni edizzjoni tal-festival Internazzjonali tal-Arti Viżiva tal-Belt Valletta (VIVA) , il-Fondazzjoni Valletta 2018 flimkien maċ-Ċentru għall-Kreattività fil-Kavallier San Ġakbu, qed tippreżenta edizzjoni oħra tal-Iskola Kuratorjali li se sseħħ mill-31 ta’ Awwissu sal-4 ta’ Settembru, 2015.

Il-programm ta’ ġimgħa flimkien ma’ kuraturi u akkademiċi internazzjonali, huwa maħsub għal min jaħdem f’dan is-settur u anke għall-istudenti li ġejjin minn setturi relatati varji inklużi l-kurazija, l-arti, l-edukazzjoni fl-arti u l-istorja tal-arti. Il-parteċipanti fil-kors se jkollhom programm ta’ lezzjonijiet, jattendu workshops fejn ikollhom esperjenza diretta u jkunu jistgħu wkoll jippreżentaw l-ideat kuratorjali tagħhom waqt seminars bi tmexxija. Il-lezzjonijiet u l-workshops se jsiru fl-Università ta’ Malta (fil-kampus tal-Belt Valletta) mit-Tnejn, 31 ta’ Awwissu sal-Ġimgħa, 4 ta’ Settembru bejn id-9:30 u l-16:00. Is-sessjonijiet ta’ filgħodu se jiffukaw fuq il-lezzjonijiet filwaqt illi dawk ta’ wara nofsinhar (bejn is-14:00 u l-16:00) se jiffukaw l-iktar fuq seminars u workshops ta’ gruppi żgħar.

It-tema għall-programm ta’ din is-sena se tkun Il-Kurazija: Komunitajiet u Kuntesti (Curating: Communities and Contexts), u se tittratta r-relazzjoni bejn il-wirja, in-narrattiva u l-udjenza; l-arti kuntestwali; l-involviment tal-udjenzi; prattiki b’impenn soċjali fl-arti kontemporanja; l-arti fi spazji pubbliċi; il-globalizzazzjoni u l-qasam kuratorjali. Xi sessjonijiet se jippreżentaw wirjiet individwali kkurati minn kelliema ewlenin u artisti internazzjonali li se jidħaddtu dwar il-prattika tagħhom.

Il-kuraturi ta’ din is-sena jinkludu lil Fulya Erdemci (kuratriċi tat-13-il Bijennali ġewwa Istanbul), Simon Sheikh (kuratur u professur tal-kurazija ġewwa Goldsmiths f’Londra), Mai Abu ElDahab (kuratur tal-Bijennali ġewwa Liverpool, 2014), Paul Ardenne (kritiku tal-arti u kuratur tal-Luxembourg Pavilion fil-Bijennali ta’ Venezja, 2015), Bassam el Baroni (kuratur tal-Bijennali EVA ġewwa Limerick fl-Irlanda, 2014) u Adam Budak (kuratur prinċipali tal-Gallerija Nazzjonali ta’ Praga). Kelliema oħrajn jinkludu lil Lennard Dost (kuratur freelance u kritiku tal-arti, direttur artistiku ta’ Nieuwe Vide), Mare van Koningsveld (kuratriċi freelance), Libia Castro u Olafur Olafsson (artisti), Ferhat Özgür (artist), Gail Feigenbaum (direttur assoċjat fl-Istitut għar-Riċerka ta’ Getty), Leo Delgaauw (studjuż), Zineb Sedira (artist kontemporanju) u Lury Lech (direttur tal-MADATAC, Madrid).

Se jsir proċess ta’ għażla għal min jixtieq jipparteċipa filwaqt li l-ħlas għal-lezzjonijiet mhuwiex għali: applikanti regolari jħallsu €100 għall-kors kollu filwaqt li studenti universitarji jħallsu €50 (l-identifikazzjoni tal-istudent hija meħtieġa; l-iSmartcard hija aċċettata).

Il-parteċipanti prospettivi tal-kors għandhom iressqu formola tal-applikazzjoni li tista’ titniżżel hawnhekk: http://www.viva.org.mt/#curatorial-school flimkien ma’ CV riċenti sal-4 ta’ Awwissu 2015 f’nofsinhar.

Ir-riżultati jitħabbru sas-6 ta’ Awwissu 2015.

Għal iktar informazzjoni ċempel lill-Fondazzjoni Valletta 2018 fuq 356 21242018 jew ikteb f’dan l-indirizz [email protected].