Il-Fondazzjoni Valletta 2018 tat dettalji dwar diversi proġetti kapitali li qed taħdem fuqhom fosthom ir-riġenerazzjoni u konservazzjoni tas-Suq l-Antik tal-Belt u l-Biċċerija, li se tiġi stabbilita bħala l-Valletta Design Cluster.

Fid-diskors tiegħu waqt konferenza tal-aħbariiet, li matula ġie ppreżentat rapport tal-2014 u ġew diskussi proġetti għall- ġejjieni, iċ-Cermen tal-Fondazzjoni Valletta 2018, Jason Micallef qal “Mawra sal-Belt Valletta għandha tkun esperjenza unika: il-Belt għandha tassew tkun ċentru ta’ eċċellenza. Dan qed iwassalna eqreb biex nilħqu standards Ewropej li jgawdu bliet oħra”.

Huwa ħabbar li l-proċess ta’ evalwazzjoni ta’ ideat u proposti għar-riġenerazzjoni tas-Suq l-Antik tal-Belt qiegħed fi stadju avvanzat.

Dan se jkun proġett bejn il-gvern u l-privat u ser jara riġenerazzjoni ekonomika, soċjali u ambjentali. Id-disinn magħmul mill-ħadid fondut li jispikka fuq in-naħa ta’ ġewwa tas-Suq, se jservi ta’ ispirazzjoni għax-xogħol li se jsir. Dan se jinkludi r-restawr tal-bini u tal-faċċata.

Ix-xogħol fuq dan il-proġett mistenni jibda aktar tard din is-sena u jitlesta f’nofs l-2017. Huwa stmat li l-investiment se jkun ta’ madwar €8 miljuni u meta jitlesta se jkun qed joħloq madwar 140 impjieg ġdid.

Tħabret ukoll li l-ewwel fażi tax-xogħol fuq Strada Stretta li mistennija titlesta kmieni fis-sajf. Din tikkonsisti f’titjieb tal-infrastruttura u s-servizzi li qed isiru mill-Ministeru għat-Trasport u l-Infrastruttura.

Għalkemm is-Suq l-Antik, il-Biċċerija u Strada Stretta huma differenti ħafna minn xulxin, huma lkoll ġawhar li ma ngħatawx l-attenzjoni mixtieqa matul is-snin. Filwaqt li hemm numru ta’ ħwienet żgħar li għadhom joperaw fis-Suq u fetħu numru ta’ stabbilimenti fi Strada Stretta, hemm lok għal żvilupp. Min-naħa l-oħra, il-Biċċerija ma tantx tissemma’ imma ukoll għandha tingħata l-attentenzjoni.

Is-Sur Micallef semma ukoll li Valletta 2018 flimkien mal-Awtorità tat-Turizmu (MTA) se tiftah l-ewwel ufficju tagħha fit-Tokk ir-Rabat Għawdex u se jkun qed jitmexxa minn Koordinatur Reġjonali għal Għawdex. Dan isaħħaħ il-fatt li l-lokalitajiet kollha f’Malta u Għawdex huma parteċipi fil-proġett Valletta 2018.

Id-Direttur Artistiku ta’ Valletta 2018 Mario Philip Azzopardi rringrazzja lill-Fondazzjoni tal-opportunità li tagħtu biex jaqsam il-viżjoni u l-esperjenza tiegħu filwaqt li jidderiġi avvenimenti kbar ppjanati għall-2018.

“L-għan tiegħi,” is-Sur Azzopardi qal, “hu li flimkien nieħdu din l-opportunità biex noħolqu istituzzjonijiet, avvenimenti, organizzazzjonijiet u infrastruttura li jkomplu jaħdmu, jeżistu u jitkattru għal ħafna snin wara li Valletta 2018 tkun saret biss memorja”.

Flimkien ma’ Sean Buhagiar, operatur kulturali u d-Direttur Artistiku ta’ Notte Bianca, Mario Philip Azzopardi se jkun qed jidderiġi avvenimenti fit-toroq tal-Belt Valletta, fiż-żona tal-Port il-Kbir u lilhinn. Il-programm ta’ attivitajiet se jattira l-attenzjoni u l-imaġinazzjoni tal-Ewropa filwaqt li jibni legat li minnu jibqa’ jibbenefika is-settur kulturali u artistiku, inkluż il-parteċipanti u l-udjenzi, fl-2018 u fis-snin li ġejjin.

Fl-indirizz tiegħu lill-meżżi tax-xandir, id-Direttur Eżekuttiv tal-Fondazzjoni Valletta 2018 Karsten Xuereb semma kif terz tas-64 proġett li hemm fil-Bid Book qed isiru jew qegħdin fi stadju ta’ ppjanar.

Il-Fondazzjoni Valletta 2018 qed tiżviluppa ukoll programm b’saħħtu ta’ riċerka. Is-serje ta’ konferenzi annwali li tnediet is-sena li għaddiet, se tkompli bi preparazzjoni lejn l-2018. Il-konferenza ta’ din is-sena se tesplora l-immappjar kulturali fl-Ewropa u fil-Mediterran u se tibni fuq il-proġett ta’ immappjar kulturali li permezz tiegħu qed tiġi ġġenerata informazzjoni dwar l-użu ta’ spazji pubbliċi f’Malta u Għawdex għall-attivitajiet kulturali. Dan il-proġett qiegħed fi stadju avvanzat u websajt b’informazzjoni ġeografika fuq l-ibliet u l-irħula kollha se titnieda f’April.