Menu varjat ta’ ikel bnin imħejji minn prodotti lokali u ingredjenti friski, se jkun offrut għall-pubbliku waqt Notte Bianca mill-kċina li ntramat apposta ħdejn il-Berġa ta’ Kastilja bħala parti mill-proġett l-Ikla t-Tajba tal-Fondazzjoni Valletta 2018.
Il-parteċipanti li ħarġu b’dawn ir-riċetti fuq il-kunċett ta’ street food, jiġu minn Youth Inc., programm inklussiv u edukattiv immexxi minn Aġenzija Żgħażagħ. Dawn iż-żgħażagħ segwew numru ta’ workshops taħt il-gwida tax-chef ibbażat f’Londra David Darmanin, li qed imexxi l-proġett. Huma qed jaħdmu taħt il-gwida ta’ tim internazzjonali ta’ koki, waqt Notte Bianca.
Iċ-Ċermen tal-Fondazzjoni Valletta 2018, Jason Micallef tenna “Kulħadd huwa mistieden biex ikun parti minn din iċ-ċelebrazzjoni ta’ ikel preparata mill-koki u ż-żgħażagħ tagħna, għada f’Misraħ Kastilja. L-ikel li se jiġi servut huwa kollu frisk u preparat minn ingredjenti lokali li jgħatu tgħoma Maltija lil dan l-ikel”.
Il-Ministru għall-Iżvilupp Sostenibbli, l-Ambjent u t-Tibdil fil-Klima Leo Brincat sostna li din l-attività ta’ Valletta 2018 hija mod oriġinali ta’ kif jitlaqqgħu flimkien il-ħarsien tal-ambjent, it-tradizzjoni u l-użu sostenibbli tar-riżorsi. “Huwa xjentifikament ppruvat li l-konsum ta’ prodotti lokali bl-użu sostenibbli tar-riżorsi jnaqqas il-carbon foot print tal-ikel, jiġifieri l-gassijiet greenhouse li jiġu mill-produzzjoni tal-ikel u t-trasport, fost oħrajn,” qal il-Ministru Brincat.
Il-koki żgħar ħolqu menu li jinkludi sorpriżi kurjużi bħal fusion cuisine Vietnamiż-Malti; tgeżwiriet bil-gambli ħomor, kif ukoll kebabs bil-majjal u bil-laħam taż-żiemel. Riċetti oħra jinkludu l-ftizza, li hi pizza maħduma minn għaġina tal-ftira u mimlija bil-klin, zalzett Malti, zalza tat-tadam, basal ikaramelizzat u ġbejna friska, qassatat tal-ħxejjex, panina bil-fenek moqli fil-panura u bezzun biz-zalzett tal-ħaruf minflok laħam pproċessat.
Ix-Chef David kellu sfida din is-sena biex jgħallem dawn iż-żgħażagħ japprezzaw il-ħsieb li jidħol fil-preparazzjoni ta’ l-ikel kif ukoll jaqsam magħhom għarfien dwar l-arti tat-tisjir waqt li jħeġġiġhom jużaw il-kreattività tagħhom biex itejbu ikel tradizzjonali.
Photos: Stephen Galea