Il-Valletta Cultural Agency (VCA) ġiet imnedija uffiċjalment aktar kmieni illum waqt seminar organizzat ġewwa l-Gran Salon fil-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija, il-Belt Valletta.

L-Aġenzija se tkun responsabbli biex issostni u saħħaħ il-ħajja kulturali fil-Belt Valletta billi toħloq programm annwali mimli attivitajiet kreattivi, żviluppati flimkien ma’ artisti u entitajiet pubbliċi kulturali oħra. Bħala legat tal-Fondazzjoni Valletta 2018, il-VCA se tkun qed iżżomm livell ta’ kwalità fil-koordinazzjoni u organizzazzjoni ta’ attivitajiet kulturali ġewwa l-Belt Valletta, waqt li tħeġġeġ aċċess u parteċipazzjoni ta’ udjenzi varji.

Is-seminar iffoka wkoll fuq l-impatt li ħalla t-titlu tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura fuq il-Belt Valletta.

Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici nieda l-Valletta Cultural Agency, filwaqt li għamel referenza għall-impatt li ħalliet Valletta 2018 u l-inizjattivi kulturali ġodda li ġew bis-saħħa tagħha, u kif din kompliet tilħaq il-komunità, mhux biss fil-Belt Valletta, imma wkoll fil-lokalitajiet tagħna. “Bejn l-2013 u l-2018, €84,000,000 intefqu fuq proġetti kulturali u ta’ wirt, filwaqt li hemm madwar €20,000,000 proġettati għall-2019. Dawn in-numri, huma kollha fatti, ta’ kemm il-kultura qiegħda verament tiġġenera tkabbir ekonomiku u soċjali – filfatt mir-riċekra li saret, vvalutajna li l-impatt ekonomiku tal-investiment fil-Belt Valletta bejn l-2013 u l-2019 huwa mistenni li ġġenera kważi €50,000,000, f’attività ekonomika u 230, xogħol full-time.  Dan l-investiment ġġenera wkoll domanda addizzjonali għall-investiment li hu stmat għal €83,000,000,” kompla jgħid Bonnici.

F’dan ir-rigward, riċerka li saret mid-Dipartiment tal-Politika Ekonomika (EPD) fi ħdan il-Ministeru għall-Finanzi, turi li l-investiment totali fil-Belt Valletta tul il-perjodu ta’ qabel is-sena 2018 meta kellha t-titlu ta’ Kapitali Ewropea tal-Kultura hu stmat li laħaq il-€167 miljun. L-enfasi b’saħħtu fuq ir-riġenerazzjoni tal-wirt storiku li sar fil-Belt Valletta f’dawn l-aħħar snin jidher ċar u jinkludi kważi nofs l-attività tal-investiment li sar. Meta jiġi inkluż it-tisbiħ ta’ spazji pubbliċi – bħal pjazez u ġonna – l-attivitajiet tal-investiment jilħqu kważi 2/3 tal-investiment totali kumulattiv. Dan l-investiment sinifikanti fil-kultura, wirt storiku u tisbiħ ta’ spazji pubbliċi serva biex joħloq element sinifikanti ta’ interess kummerċjali, li kkontribwixxa għal qabża sostanzjali fit-turiżmu fil-Belt Valletta. L-impatt kumulattiv totali fil-PGD minn investiment huwa stmat li kien €89 miljun, jew €72 miljun f’termini reali.

Data pprovduta minn JobsPlus tindika kif ix-xogħol fl-industrija tal-ospitalità fil-Belt Valletta kiber b’62% bejn l-2012 u l-2018 fejn l-istess industrija iġġenerat 19% ta’ tkabbir fil-Gżejjer Maltin fl-istess perjodu. Din iż-żieda fix-xogħlijiet hija ekwivalenti għal 250 xogħol fil-Belt Valletta fl-industrija tal-ospitalità, li x’aktarx kien riżultat tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura u tal-investiment fil-wirt kulturali dokumentat fl-istudju tal-EPD. Fl-istess ħin, ix-xogħol full-time fl-Industriji Kulturali u Kreattivi (CCIs) żdied minn 9,111 fir-raba’ kwart tas-sena f’Diċembru 2015 għal 10,629 fit-tieni kwart tas-sena fl-2018, ekwivalenti għal 16.7% żieda fuq perjodu ta’ tlett snin, skont data pprovduta mill-JobsPlus. Ix-xogħol part-time totali f’CCIs kiber minn 3,073 fir-raba’ kwart tas-sena fl-2015 għal 4,135 fit-tieni kwart tas-sena fl-2018. Ix-xogħol totali f’CCIs żdied b’18% fi tlett snin, żieda minn 10,752 fir-raba’ kwart tas-sena fl-2015 għal 12,686 fit-tieni kwart tas-sena fl-2018.

Siti ta’ wirt kulturali li bbenefikaw minn dan l-investiment sostanzjali jinkludu l-erba’ proġetti infrastrutturali prinċipali għal Valletta 2018: il-mużew il-ġdid tal-arti MUŻA ġewwa l-Berġa tal-Italja, ir-riġenerazzjoni ta’ Strada Stretta u s-Suq tal-Belt, kif ukoll ir-restawr tal-Biċċerija li se tospita il-Valletta Design Cluster fiż-żmien li ġej, li se jservi bħala punt ta’ kuntatt u ċentru tal-inkubazzjoni għal dixxiplini marbuta mal-qasam tad-disinn.

Minbarra l-proġetti infrastrutturali prinċipali marbuta ma’ Valletta 2018, diversi siti ta’ wirt kulturali ġewwa l-Belt Valletta bbenefikaw sostanzjalment minn xogħol ta’ tisbiħ u restawr. Dawn jinkludu, fost l-oħrajn, il-Palazz tal-Granmastru, il-Funtana tat-Tritoni u l-pjazza tal-madwar, Admiralty House, il-Kon-Katidral ta’ San Ġwann, Dar il-Mediterran, Pjazza Kastilja, u Ġnien Laparelli.

Waqt is-seminar, iċ-Ċermen tal-Fondazzjoni Valletta 2018 Jason Micallef qal “It-titlu ta’ Valletta 2018 – Il Kapitali Ewropea tal-Kultura kien opportunità biex nagħtu l-Belt Kapitali ħajja ġdida. Fiż-żmien lejn Valletta 2018, kien hemm qabża f’investiment fil-Kapitali ta’ madwar €167 miljun. Din il-figura teskludi l-investiment tal-Fondazzjoni Valletta 2018  ta’ 400 attività li kienu parti mill-programm kulturali tal-Fondazzjoni, li ħalla impatt enormi fis-settur kulturali lokali, u l-attività turistiku ġġenerat minn boutique hotels. Illum il-ġurnata ma nistgħux ngħidu li l-Belt Valletta hija belt mejta, kif kienet fil-passat.”

Id-Direttur Eżekuttiv Catherine Tabone qalet “Valletta 2018 trasformat il-Belt Valletta fiċ-ċentru kulturali u ta’ innovazzjoni li hi llum. It-titlu tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura serva bħala katalist għal restawr ta’ diversi binjiet storiċi u għal aktar kollaborazzjoni mar-residenti, ħaddiema u viżitaturi. F’dan il-kuntest, każ ta’ min isemmi hija l-Berġa tal-Italja li, wara xogħol estensiv fuq numru ta’ snin, ġiet inawgurata bħala MUŻA – l-ewwel mużew li jpoggi lill-kommunità fil-qalba tal-istrategija kuratorjali tiegħu. Eżempju importanti ieħor huwa l-Valletta Design Cluster, li ser ikun qed jiftaħ il-bibien tiegħu aktar tard din is-sena u ser iservi ta’ punt ta’ kuntatt u ċentru tal-inkubazzjoni għal dixxiplini marbuta mal-qasam tad-disinn, waqt li jiffoka fuq kollaborazzjoni mar-residenti tal-madwar.”

Il-Fondazzjoni Valletta 2018 innifisha investiet bil-kbir f’inizjattivi kulturali li jgħaqqdu elementi lokali ma’ dimensjoni internazzjonali b’saħħitha, u li jmorru lil hinn minn xtut Ewropej billi jinkludu s-sehem ta’ artisti ġejjin mill-Afrika u l-Asja. Il-Fondazzjoni ħolqot programm kulturali inklussiv u varjat li kkonsista f’aktar minn 100 proġett u 400 attività ta’ dixxiplini differenti, li ibbilanċja avvenimenti kbar tal-massa ma’ interventi komunitarji.

Ibbażat fuq it-tema tal-festa bħala ċelebrazzjoni tal-espressjoni artistika u d-diversità, il-Programm Kulturali ta opportunitajiet ġodda lill-artisti biex jiżviluppaw proġetti u juru xogħolhom lil diversi udjenzi. Inizjattivi fl-iskejjel kienu wkoll inklużi fil-programm biex iħeġġu lit-tfal jiżviluppaw il-ħiliet artistiċi u kreattivi tagħhom. Il-Fondazzjoni kkollaborat ukoll ma’ numru ta’ programmi ta’ Artisti f’Residenza, kemm lokali u internazzjonali, li raw artisti lokali jivvjaġġaw f’pajjiżi oħra biex jaħdmu fuq il-proġetti tagħhom barra u viċi-versa, fejn artisti barranin vjaġġaw lejn Malta biex jiżviluppaw proġetti tagħhom mal-komunitajiet residenti.

Mill-bidu, il-missjoni tal-Fondazzjoni Valletta 2018 kienet li tiżviluppa l-udjenzi permezz tal-parteċipazzjoni, u li tagħmel il-kultura aċċessibbli għal kulħadd. Dan huwa l-legat li l-VCA se tkun qed tibni fuqu biex ir-riġenerazzjoni kontinwa tal-Belt Valletta ssir bil-kultura u l-arti fil-qalba tagħha.