Kollox jinsab lest għall-akbar spettaklu tas-sena fil-Port il-Kbir, il-Valletta Pageant of the Seas, li se jsir nhar it-Tlieta 7 ta’ Ġunju 2016, fis-6pm.

Dan l-avveniment huwa parti mill-programm ta’ ċelebrazzjoni tal-Fondazzjoni Valletta 2018 fl-okkażjoni tal-450 anniversarju mit-twaqqif tal-Belt Valletta. Valletta Pageant of the Seas huwa festa mhux tas-soltu fuq il-baħar fil-Port il-Kbir; festa ta kuluri, dgħajjes tar-regatta, power boats u jottijiet, għawm, tlielaq u bosta karrijiet tal-Karnival fost l-oħrajn, kollha fl-ambjent maestuż tal-Port il-Kbir.

“L-isbaħ esperjenza ta’ dan il-proġett hija l-ammont kbir ta’ nies involuti – minn artisti sa nies tas-sengħa, kunsilli lokali  minn Malta u Għawdex u l-poplu in ġenerali. Dan hu l-qofol tal-kunċett ta’ Valletta 2018 li minn udjenza għall-attivitajiet kulturali qed immorru għall-akbar parteċipazzjoni possibli fl-attivitajiet kulturali,” tenna ċ-Ċermen tal-Fondazzjoni Valletta 2018 Jason Micallef. “Dan jawgura tajjeb sabiex minn hawn u 18-il-xahar ieħor, il-Programm Kulturali ta’ Valletta 2018 ikollu parteċipazzjoni mill-poplu Malti daqs qatt qabel”.

Huwa ħeġġeġ lill-membri tal-pubbliku biex jiġu kmieni ħalli ma jiddiżappuntawx ruħhom u biex jagħmlu użu mit-trasport pubbliku li jibqa jaħdem sa tard. Il-laneċ bejn il-Belt Valletta u l-Birgu, kif ukoll, il-Belt Valletta u Tas-Sliema ser joperaw sal-5pm u jerġgħu jibdew jaħdmu wara l-avveniment fl-10pm. Wieħed jista wkoll jagħmel użu mill-lift tal-Barrakka.

L-aħjar postijiet minn fejn wieħed għandu jsegwi l-ispettaklu huma l-Barrakka ta’ Fuq, Xatt il-Barriera, is-Sur ta’ Santa Barbara u Ta’ Liesse, fil-Belt Valletta.

Id-Direttur Artistiku ta’ Avvenimenti Speċjali tal-Fondazzjoni Valletta 2018 Mario Philip Azzopardi qal, “Din hija opportunità għall-Maltin kollha biex jingħaqdu flimkien u jassistu għall-ispettaklu minn fuq l-art filwaqt li jiċċelebraw il-preżent u l-ġejjieni wkoll. Dan se jkun avveniment għall-familja kollha”.

Il-Valletta Pageant of the Seas se tiftaħ bl-Għawma Toni Bajada, attività kbira ta’ għawm li tinvolvi mijiet ta’ nies. Dawn se jaqsmu bl-għawm mill-Forti ta’ Sant Anġlu fil-Birgu sal-Pixkerija  f’Ta’ Liesse l-Belt Valletta. Dawk li huma interessati jipparteċipaw jistgħu jirreġistraw hawnhekk: http://ghawmatonibajada.puttinucares.org/, għal donazzjoni ta’ €10 lill-Putinu Cares.

Se jsir ukoll spettaklu tar-regatta segwit minn tellieqa bid-dgħajjes fejn se naraw xi ħaġa mhux tas-soltu. Bosta gruppi minn madwar Malta u Għawdex se jipparteċipaw fit-Tellieqa Telliqun, fejn in-nies se joħolqu inġenji tal-baħar b’diversi materjali, inklużi oġġetti riċiklati, u jtellquhom fil-Port il-Kbir mingħajr l-użu ta’ muturi jew moqdief.

Il-qofol taċ-ċelebrazzjoni se jkun spettaklu ta’ dgħajjes tal-qlugħ akkumpanjati mill-Fernandes, li se jokkupa l-post ċentrali. Karrijiet tal-Karnival se jidhru għall-ewwel darba fil-Port il-Kbir waqt li l-karrijiet tal-Karnival rebbieħa fil-Karnival ta’ din is-sena se jsalpaw fil-Port il-Kbir.  L-organizzaturi ta’ avvenimenti fil-beraħ u bbażati fir-Renju Unit, Walk the Plank, se jisirqu x-xena tal-lejla bi spettaklu tal-akrobazija u dawl.

Se jkun hemm xi gruppi mużikali wkoll li se jdoqqu għall-folol li se jattendu dan l-avveniment indirizzat lill-familja kollha ġewwa l-Belt Valletta.

Minħabba l-kumplessità tal-attività, il-Port il-Kbir se jkun magħluq għat-traffiku marittimu u drones mhux se jkunu permessi joperaw.

Il-Valletta Pageant of the Seas qed jitella bl-appoġġ ta’ diversi msieħba tal-Fondazzjoni Valletta 2018 fosthom; il-Kunsill Malti għall-Arti, Captain Morgan Cruises, Yachting Malta, l-Forzi Armati ta’ Malta, l-Awtorità Maltija għat-Turiżmu, Transport Malta, Walk the Plank, il-Public Broadcasting Services, il-Malta Film Commission u Heritage Malta.