Il-film L.O.M.L., li nħadem minn Gilbert Calleja u Matthew Attard wara sejħa għall-proposti għall-proġett Poetry on Film, tnebbaħ mill-poeżija Tibqa’ Int ta’ Raymond Mahoney. Il-film inħadem bis-sehem ta’ Mimi Cauchi.
Il-poeżija ddur mal-imħabba u tax-xewqa li huma ukoll preżenti fil-film.
Il-film jindirizza diversi mistoqsijiet: x’tip ta’ interazzjoni qed ikollna ma’ dawk li nixtiequ? Kif l-internet u l-teknoloġiji virtwali biddlu l-modi li bihom nilħqu kumdità virtwali? Kif timmanifesta ruħha x-xewqa f’dinja invażata b’immaġnijiet sesswali?
Billi jqajjem dawn il-mistoqsijiet flimkien m’oħrajn, L.O.M.L. ifittex li jpoġġi f’dubju mal-klixejiet marbuta mal-imħabba u mal-ossessjoni billi jpoġġu r-romantiċiżmu poetiku ta’ Mahoney fid-dawl taċ-ċiniżmu ta’ żmienna.
L.O.M.L. ser jintwera għall-ewwel darba waqt il-Festival Mediterranju tal-Letteratura ta’ Malta nhar is-Sibt 27 ta’ Awwissu. Il-Festival jibda fit-20:00. Id-dħul bla ħlas.
Poetry on Film huwa proġett tal-Fondazzjoni Valletta 2018 u Inizjamed.
TIBQA’ INT – Ray Mahoney
Sa ma x-xenqa fi ħżiemi tinħall,
sa ma l-kilba ġo qalbi tistrieħ,
sa ma jeħmed ta’ moħħi t-thewdin,
sa ma jibred ta’ ġismi t-tqanqil,
sa m’nn għajnejja jiċċarrat l-istar,
sa minn fommi jnin it-tregħid,
sa ma f’ruħi jiġġwejdu n-nirien,
sa ma sidri jistrieħ mill-uġigħ,
tibqa’ int li nixtieqek kull għodwa,
tibqa’ int li noħolmok kull lejl,
tibqa’ int l-alla tiegħi b’għanjietek
tagħti l-ħajja, toqtolni qajl qajl!