Il-Brigitte Gauci Borda school of Dance tinsab kburija li tintroduċi taħriġ tal-ballet klassiku tal-ogħla kalibru għal tfal żgħar, żgħażagħ u adulti – kemm subien kif ukoll bniet. Dan se jkun programm tal-ballet intensiv ta’ 10 ijiem, b’għalliema mill-prestiġjuża Royal Ballet Company minn Londra: Amanda Eyles, Ballet Mistress u Direttriċi tal-Provi u Mayara Magri, Ballerina Solista Brażiljana u l-Għalliem mistieden mill-Bolshoi Theatre, Kristian Ratevossian.
Il-Programm tal-Ballet Internazzjonali tas-Sajf se jkun qed jiffoka fuq l-identifikazzjoni u l-iżvilupp ta’ talent żgħażugħ, b’ħidma lejn l-ogħla livelli, li jgħin lil min jixtieq jidħol f’karriera professjonali. L-għan tagħna huwa li nrawmu l-istudenti fil-forma tal-arti klassika, u nibnu kunfidenza u noħolqu apprezzament tul il-ħajja tal-arti. Il-klassijiet kollha se jiġu mgħallma minn professjonisti attwali minn The Royal Ballet Company, mill-Bolshoi Theatre, mill-Vienna State Opera, mill-Berlin State Opera u mill-Ballet de L’Opera de Marseille. Dawn se jkunu qed jgħallmu: Teknika tal-Ballet Klassiku, Xogħol tal-Pointe, Benesh Notation u Repertorju mill-ballet Giselle li se jkun preparazzjoni għal produzzjoni sħiħa fil-futur, b’żeffiena prinċipali mir-Royal Ballet Company, li se jagħtu l-opportunità lil studenti biex jiżfnu flimkien ma’ żeffiena professjonali, li jagħtihom esperjenza siewja.
Fit-tmiem tal-Programm tal-Ballet Internazzjonali tas-Sajf, l-istudenti se jingħataw ċertifikat tal-attendenza u se jkollhom iċ-ċans li jirbħu borża ta’ studju fil-qalba ta’ Londra, fid-Danceworks International Ballet Academy f’Mayfair, b’għalliema mistiedna mid-Dutch Royal Ballet, mill-Birmingham Royal Ballet u minn The Royal Ballet. L-istudent ta’ suċċess se jingħata wkoll l-opportunità li jiżfen fis-Sadler’s Well Theatre f’Londra.
B’kollaborazzjoni mar-Royal Ballet Academy u Danceworks f’Londra.
Il-Programm tal-Ballet Internazzjonali tas-Sajf 2017 huwa appoġġjat mill-Fondazzjoni Valletta 2018, filwaqt li se jġib il-komunità internazzjonali taż-żfin lejn xtutna u jibni skambju kulturali.