Il-Malta International Music Competition se tkun qed isseħħ bejn is-27 u l-31 ta’ Lulju, 2018. Dan il-proġett, organizzat mis-Central Academy of Arts, jipprovdi numru ta’ opportunitajiet biex joħloq kuxjenza u jinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni tal-pubbliku fil-Programm Kulturali tal-Valletta 2018.
Din il-kompetizzjoni hija pjattaforma edukattiva ta’ skambju kulturali fuq il-Gżejjer Maltin, li tikkonsisti minn masterclasses tal-mużika, u li se tkun miftuħa għall-pjanu, vjolin, kitarra, sassofonu, kompożituri, chamber music, vjola, ċimbalom, ensemble tas-sassofonu, ensemble tal-kitarra, ensemble tal-flawt, chamber music ta’ kwalunkwe strumenti orkestrali bil-pjanu jew mingħajr, u pjanu b’erba’ idejn. Mużiċisti ta’ kull nazzjon huma mistiedna li jipparteċipaw.
Parteċipanti se jirċievu taħriġ fuq il-palk, preparazzjoni biex idoqqu kompożizzjonijiet mużikali li jifirxu mill-klasiku sal-kontemporanju, il-folk u l-jazz, u se jkollhom l-opportunità li jaqsmu din l-opportunità unika ma’ individwi oħrajn f’ensembles varji. Parteċipanti f’din il-masterclass se jinqasmu f’bosta kategoriji u gruppi, u huwa miftuħ għal min għadu jibda, nies professjonisti, nies li jħobbu l-mużika u udjenzi ġenerali. Kategoriji jinkludu l-Kategorija Żgħar I (etajiet 7-12), il-Kategorija Żgħar II (etajiet 13-17), il-Kategorija Adulta (etajiet 18-33) u l-Kategorija Kompożituri (m’hemmx limitu ta’ età). Il-masterclasses kollha ha jiġu mgħallma minn mużiċisti, professuri u concertmasters eċċezzjonali.
B’parteċipazzjoni varjata u b’talent kbir li jirrappreżenta 45 pajjiż, il-Malta International Music Competition qed tolqot l-għan li ssir waħda mill-ogħla istituzzjonijiet għat-tagħlim, il-kompetizzjoni u l-wirjiet tal-lum u ta’ għada, filwaqt li tattira ammont dejjem jikber ta’ parteċipanti Maltin u barranin li jagħmlu l-mużika, jistudjaw u jinteraġixxu flimkien.
Organizzazzjonijiet oħrajn involuti fil-proġett tagħna jinkludu l-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta, il-Kunsill Lokali tal-Imdina, is-Society of Arts u xi klabbs, orkestri u baned Maltin. Bosta artisti u ensembles internazzjonali huma involuti darbtejn fis-sena.
Dan il-proġett huwa appoġġjat mill-Fondazzjoni Valletta 2018.