Wara l-għażla ta’ żewġ drammaturgi għal Get Your Act Together, proġett ta’ sentejn immexxi minn More or Less Theatre bl-appoġġ tal-Fondazzjoni Valletta 2018 u l-Malta Arts Fund fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Arti, se jsir qari pubbliku taż-żewġ drammi fid-29 ta’ Settembru 2017 fit-Teatru ta’ Spazju Kreattiv, mis-7:30 ’il quddiem, matul l-edizzjoni ta’ din is-sena ta’ Science in the City. Get Your Act Together għandu l-għan li jgħallem ħiliet tat-teatru, li jindirizza suġġetti diffiċli, fuq il-bażi ta’ informazzjoni minn professjonisti, kemm fl-akkademja kif ukoll fit-teatru.
Iż-żewġ drammi magħżula huma ta’ Gianni Selvaggi u Lizzie Eldrige, u huma bbażati fuq it-temi tal-ħajja fuq il-gżira u l-klawstrofobija. Iż-żewġ drammi se jiġu segwiti minn diskussjoni dwar is-suġġetti magħżula u l-iżvilupp tad-dramm innifsu mal-pubbliku ġenerali, mad-direttur, l-atturi, il-kittieba u l-mentors Eduardo Sáenz de Cabezón – li mexxa Ted Talks dwar it-taħlita tax-xjenza mal-umoriżmu u l-istejjer; u Domenico Castaldo – li jispeċjalizza fit-taħriġ tal-atturi. Se tingħata introduzzjoni qasira mill-antropologa Ms Elise Billiard Pisani dwar is-suġġett ta’ Stejjer ta’ Gżira, spazji pubbliċi u l-komunità.
Id-drammi magħżula jisimhom “Do you need a beating Heart” ta’ Lizzie Eldridge, skript li jittratta l-ispazju pubbliku u l-kunflitt bejn il-komunitajiet tal-gżira u l-urbanizzazzjoni , is-suwiċidju u l-abbuż sesswali. Lizzie qed tiġi mgħallma minn Mr Sáenz de Cabezón. It-tieni dramm jismu “Your make Lemonade” ta’ Gianni Selvaggi li huwa monologu li jittratta l-kanċer fl-irġiel, il-vizzji u s-saħħa mentali. Selvaggi qed jiġi mgħallem minn Mr Castaldo.
Minħabba n-natura sensittiva ta’ dawn is-suġġetti, din l-attività hija adattata biss għal udjenza 18+.