Dan il-festival ta’ ġurnata, mtella’ fiċ-Ċittadella, fil-qalba t’Għawdex, u appoġġjat mill-Fondazzjoni Valletta 2018, huwa ċelebrazzjoni tal-aqwa innovazzjoni, riċerka u prattika fix-xjenza u t-teknoloġija fil-gżejjer Maltin. Huwa b’xejn, divertenti u għall-familja kollha. Int tista’ tieħu sehem f’esperimenti eċċitanti u dimostrazzjonijiet waqt is-Science Fair; tesperjenza ir-realta virtwali jew tieħu sehem f’workshop tal-coding, tara kummiedja li għandha x’taqsam max-xjenza jew tħalli lil moħħok joħloq il-mużika; tiskopri l-matematika li hemm wara xogħlijiet kbar ta’ arti; issir taf iżjed dwar is-sema, l-art u l-baħar; tagħti l-fehma tiegħek dwar dibattiti kurrenti jew sempliċement tisma’ xi taħdita nteressanti u ddur mal-wirja.
Hemm xi ħaġa għal kulħadd u hemm saħansitra parti fejn tista’ tingħaqad biex tieħu sehem permezz ta’ studju, karriera jew li tibda negozju għal rasek. Fl-ambjent taċ-Ċittadella medjevali, se nagħtukom lemħa eċċitanti tal-futur fi ħdan il-passat storiku tagħna. Dan l-avveniment huwa sponsored minn EcoGozo u appoġġjat mill-Kunsill Lokali ta’ Victoria, il-Malta Chamber of Scientists, il-Malta Council of Science and Technology, l-Universita ta’ Malta, l-MCAST u bosta organiżżazzjonijiet lokali oħra li għandhom x’jaqsmu max-xjenza, it-teknoloġija u l-inġinerija.
Science in the Citadel se jsir fit-28 ta’ April 2018 bejn l-10am-9pm fir-Rabat, Għawdex.