Wieħed mill-proġetti tal-Valletta 2018 li ntlaqa’ b’entużjażmu huwa l-Valletta Green Festival – avveniment li matul wikend sħiħ ser iqajjem kuxjenza ambjentali billi jibdel żoni urbani bħall-Belt Valletta f’żoni ħodor kollha lwien. Il-Valletta Green Festival ta’ din is-sena ser isir bejn is-6 u t-8 ta’ Mejju 2016.
L-attrazzjoni prinċipali tal-festival ser tkun l-infiorata, li ser tikkonsisti fi stallazzjoni kbira li ser tibdel id-dehra ta’ wieħed mill-ikbar spazji miftuħa tal-Belt, voldieri Pjazza San Ġorġ, b’tapit kbir iffjurit b’madwar 80,000 pjanta mħawla fi qsari.
Żewġ ġonna sigrieti, li jgħoddu l-400 sena, ġewwa l-Palazz tal-Arċisqof u l-Monasteru ta’ Santa Katerina, se jkunu miftuħin għal pubbliku waqt il-Valletta Green Festival. Il-ħinijiet tal-ftuħ huma bejn id-9am u nofsinhar, u bejn l-4pm u s-7pm, matul it-tliet ijiem tal-festival.
Voluntiera se jkunu qed jigwadaw in-nies lejn dawn il-ġonna minn Pjazza San Ġorġ.