Il-Kunsill Lokali ta’ Ħad-Dingli ta’ kull sena jorganizza attivitajiet li jippromwovu t-tradizzjonijiet tal-Gzejjer Maltin b’mod speċjali dawk Dinglin. Attività bħal din “Ħad-Dingli – Ħidma Agrarja u Tradizzjonijiet” li ser tittella’ fl-1 ta’ Mejju fil-Ġonna tal-Buskett, hija mera ta’ x’joffri r-raħal tagħna fil-qasam kulturali, agrikolu, gastronomiku tradizzjonali u l-aspetti ekoloġiċi tal-madwar.
Ikun hemm stands t’artiġjanat, wirja tan-nagħaġ u mogħoż, wirja taż-żwiemel, wirja tal-fniek wirja tat-tiġieġ, kompetizzjoni tal-ħlib u tal-ġmiel, wirja tal-klieb ta’ Malta, tal-Fenek u tal-Boxer, petting-section għat-tfal, kompetizzjoni tal-inbid, pittura u bizzilla fuq il-post kif ukoll programm mimli daqs bajda b’għana, kant Malti, u diversi esebizzjonijiet oħra. It-tfal se jkunu qed jaraw kif issir it-tajra tal-Manocca. Dan kollu flimkien mal-ikel tradizzjonali Malti li jkun qed jissajjar fuq il-post, jagħmel din l-attivita esperjenza agrikola unika.