Ħafna nies jiftakru n-nostalġija marbuta mar-Rediffusion; jistennew b’tant ħerqa l-programmi biex jibdew jixxandru, speċjalment dawk tad-divertiment u tal-mużika. Ħafna jiftakru wkoll lil Gaetano Buttigieg (Gaetano Kanta), li kellu ħila li timmeravilja, li jaqleb u jaddatta kanzunetti popolari bit-Taljan u bl-Ingliż għall-ilsien Malti.

Il-lirika tiegħu kienet dwar xeni mill-imgħoddi ta’ pajjiżna; xeni li għadna nistgħu ngawdu sal-lum. Il-varjetà fil-kanzunetti tfakkarna fl-imgħoddi tagħna u sservi wkoll bħala dokumentazzjoni ta’ kif kienet is-soċjetà ta’ żminijietu. Down Memory Lane huwa kunċert li permezz tiegħu l-udjenza matura se terġa’ tiskopri l-memorji; huwa lejl ta’ divertiment li se jeħodhom lura lejn tfulithom u għaż-żmien meta kienu adolexxenti, filwaqt li jiftaħ tieqa fuq is-soċjetà tas-seklu 20.