Żur Pjazza Tritoni fil-Belt Valletta biex tara xena tan-Natività matul iż-żminijiet tal-Festi. Din ix-xena tan-Natività hija msawra f’arkitettura tipika Maltija u mżejna b’għodda tradizzjonali u folkloristiċi flimkien ma’ tiżjin li kien jintuża f’Malta fil-qedem. Ix-xena tiġbor fiha d-dgħajsa tradizzjonali Maltija – il-Luzzu, li għadu jintuża mis-sajjieda sal-ġurnata tal-lum. Struttura msaqqfa – il-Girna, li kienet tintuża bħala kenn għall-bidwi, tidher fuq ix-xellug.

Din ix-xena tat-twelid ta’ Ġesù Bambin tiġbor fiha 17-il figura mlibbsa b’ilbies tradizzjonali Malti. Filwaqt li ftit mill-figuri ssibhom fix-xeni kollha tan-Natività f’pajjiżi oħra madwar id-dinja, uħud minnhom bħar-rieqed, l-għaġeb u x-xabbatur, issibhom biss fil-presepju Malti.

Dan il-Presepju ġie ddisinjat u maħdum mill-artist Malti Manwel Grech fl-2016 u ġie esebit fi Pjazza San Pietru ġewwa l-Vatikan fi żmien il-Milied tal-istess sena. Il-Qdusija Tiegħu il-Papa Franġisku, żar personalment dan il-Presepju u talab quddiemu fil-31 ta’ Diċembru 2016. Dan il-Presepju ġie esebit ukoll fi Pjazza tal-Maxtura f’Betleħem fl-2017.