Il-Fondazzjoni Valletta 2018 qed tagħti l-appoġġ tagħha għal serje ta’ avvenimenti live fil-Beer Cave, fil-Belt Valletta, matul l-2018. Dan il-post huwa pjattaforma biex jagħtu l-wirjiet tagħhom artisti ġodda, u jservi wkoll bħala lok artistiku bl-għan li jippromwovi lill-artisti b’mod kontinwu. Il-Beer Cave se jilqa’ artisti minn setturi differenti, bħall-mużika, is-settur viżiv u r-reċtar.
Il-Beer Cave ilu jilqa’ artisti stabbiliti minn Malta u minn barra, fosthom William Mangion, Adrian Irrussu & Nadine Axisa, Joe Rosco, Angie Vella Zarb, Ozzylino, Manatapu & Jogy-Bo, Bernie & Pod, Texanna, For Funk Sakes, Paul Pitura, Steve & the Dodos, Vintage Brew, Cheryl Balzan, Janice Azzopardi, The Stents, The Plakard Project, Karen Harvery & Kurt, Native, u Sigo.
Fost l-avvenimenti ppjanati għal matul l-2018 hemm:
Prestazzjonijiet Akustiċi: inkluż il-parteċipazzjoni ta’ artisti lokali u ta’ oħrajn barranin li integraw u sabu posthom f’Malta, u ta’ dawk li qegħdin fil-proċess li jagħmlu dan
Live Bands: Bands u proġetti mużikali bbażati f’Malta u fl-Ewropa
Singer Songwriter Slam: Konkors ta’ artisti oriġinali li qegħdin jiżviluppaw il-mużika f’Malta, u li fih ir-rebbieħ jingħata s-sapport biex jingħata produzzjoni
Open Mic: Lejla dedikata għal artisti lokali u barranin li integraw u sabu posthom f’Malta u li jridu jesponu t-talent tagħhom.
L-avvenimenti se jseħħu kull ġimgħa, sa Diċembru 2018. L-avvenimenti huma mmirati għal artisti ta’ kull ġeneru, għal dawk li jħobbu l-arti f’kull settur minn madwar id-dinja, turisti, studenti, mużiċisti, u ħafna iktar.
Biex tibqa’ aġġornat mal-avvenimenti li ġejjin, żur il-paġna tal-Beer Cave fuq Facebook.