Wirt iż-Żejtun ilhom jorganizzaw simpożji biennali sa mill-2012. It-tema tas-simpożju ta’ din is-sena hija “The Maltese Village” (Il-Villaġġ Malti). L-għan ewlieni ta’ din it-tema huwa li nifhmu aħjar il-formazzjoni u l-karatteristiċi tal-bliet u rħula tagħna, u li nqajmu kuxjenza dwar l-importanza li nipproteġu l-valuri kulturali tagħna li jinsabu mnaqqxa f’dawn l-ispazji ħajjin.
Numru ta’ riċerkaturi, storjografi u akkademiċi ġew mistiedna jikkontribwixxu f’dan is-simpożju billi jippreparaw dokumenti dwar dan is-suġġett. Il-kelliem mistieden ta’ dan is-simpożju se jkun il-Professur magħruf Dr Brian W. Blouet.
Is-Simpożju se jittella’ fil-Grand Salon, fil-Mużew Nazzjonali tal-Arkeoloġija fil-Belt Valletta fl-20 t’Ottubru bejn it-8.30am u s-2.30pm. Din l-attività hija appoġġjata mill-Fondazzjoni Valletta 2018.