Maż-żmien l-MDM stabbilixxa kult ta’ segwitu stabbli li sar jiġbed lejh għadd kbir ta’ barranin, u saħansitra ġie vvutat bħala wieħed mill-Aqwa 10 Festivals Internazzjonali tal-heavy metal. Biex jiċċelebra l-għaxar edizzjoni tiegħu, l-MDM ser jinkludi elenku usa’ ta’ gruppi lokali u barranin mix-xena underground.

Din ser tkun taħlita li tħaddan esponenti ġodda li jridu jiġbdu udjenzi ġodda, kif ukoll uħud mill-ismijiet ewlenin fix-xena underground internazzjonali tal-ġeneru metal. Filwaqt li l-Belt Valletta ser tkun qed tiċċelebra s-sena tagħha bħala Kapitali Ewropea tal-Kultura, l-edizzjoni tal-MDM tal-2018 mistennija twessa’, iktar minn qatt qabel, l-ambitu tal-udjenza tagħha u n-netwerk tal-metal.