Malta u Għawdex Kollha
In-Nomina tal-Belt Valletta bħala Kapitali Ewropea tal-Kultura 2018 tinkludi l-lokalitajiet kollha f’Malta u Għawdex. Fit-tħejjija tal-kandidatura tal-Belt Valletta għall-Kapitali Ewropea tal-Kultura 2018, ġie deċiż li Malta għandha tippreżenta kandidatura waħda li tinkorpora kull belt f’Malta, sabiex jiġi żgurat li l-effetti pożittivi tat-titlu jkunu mifruxa kemm jista’ jkun.
Matul il-fażi ta’ kandidatura tal-Belt Valletta twettaq ammont kbir ta’ xogħol biex jiġi diskuss kif kull lokalità f’Malta u Għawdex tagħmel parti integrali mill-proċess Valletta 2018. Dan id-djalogu miftuħ ma’ kull kunsill lokali wassal għal ftehim mal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali (AKL) li permezz tiegħu, kandidatura waħda f’isem il-Belt Valletta, appoġġjata u megħjuna mit-68 lokalità f’Malta u Għawdex, ġiet ippreżentata lill-Kummissjoni Ewropea. L-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali hija parti integrali mill-proċess Valletta 2018, u l-President tal-AKL huwa wkoll membru tal-Bord tal-Gvernaturi tal-Fondazzjoni.
Għadd ta’ proġetti twettqu ’l barra mill-Belt Valletta, f’diversi lokalitajiet madwar Malta u Għawdex. Dawn jinkludu Qatt ma Ninsa (li sar fil-Birgu), Ħaġa u Taħdita (li sar f’Għawdex), il-Birgufest, Poetry in Potato Bags (li parti minnu sar il-Qrendi), u Behind the Front Door (li qiegħed iseħħ f’Bormla). Il-Fondazzjoni Valletta 2018 qiegħda taħdem ukoll mill-qrib ma’ diversi skejjel u awtoritajiet lokali f’numru ta’ lokalitajiet biex torganizza avvenimenti u attivitajiet għat-tfal. Eżempji ta’ dan jinkludu Happy Jam, li sar f’Pembroke, u Kids’ Guernica f’Ħaż-Żabbar.
Il-Fondazzjoni qiegħda żżomm ukoll djalogu b’saħħtu ma’ kull kunsill lokali biex tassisti lill-kunsilli fit-tisħiħ tal-attivitajiet kulturali fi ħdan il-lokalitajiet rispettivi tagħhom. Il-Fondazzjoni Valletta 2018 qiegħda tappoġġja t-titjib tal-mekkaniżmi ta’ finanzjament mill-Gvern Ċentrali lill-kunsilli lokali permezz tal-Iskema Kunsilli Lokali. Il-Fondazzjoni għandha rwol attiv fi ħdan dan il-proċess billi tara li din l-iskema tiffoka fuq id-dimensjoni Ewropea u l-eċċellenza proposta mill-proġetti fi ħdan l-iskema, bil-għan li ttejjeb il-kwalità u l-aċċessibilità għal udjenza usa’.
Il-Fondazzjoni Valletta 2018 hija wkoll involuta ħafna fi ħdan il-kunsilli reġjonali, struttura li permezz tagħha l-Fondazzjoni tiltaqa’ u tiddiskuti kwistjonijiet varji mal-kunsilli lokali. Il-Fondazzjoni se tkun qiegħda taħdem biex issaħħaħ aktar dawn in-netwerks matul il-mixja tagħha sal-2018, sabiex jinżamm djalogu b’saħħtu mal-awtoritajiet lokali u reġjonali madwar Malta u Għawdex wara l-2018.