Fost is-siti ewlenin għall-esibizzjoni, hemm il-Pixkerija, binja skedata tat-tieni Grad mibnija kmieni fis-snin 30 tas-seklu li għadda, f’Xatt il-Barriera. Richter qed taħdem flimkien ma’ aktar minn 25 artist stabbilit u oħrajn li qed jevolvu minn 15-il pajjiż – li jinkludu lil Malta, Franza, l-Awstrija, l-Eġittu, il-Ġermanja, is-Sirja, ir-Renju Unit, l-Iżvezja, il-Ghana, Spanja u l-Palestina – li qed jikkollaboraw ma’ msieħba lokali madwar il-gżejjer.

It-titlu Dal-Baħar Madwarha huwa ispirat minn kwotazzjoni mix-xogħol tal-filosfu Gilles Deleuze, “The island is what the sea surrounds” – “Il-gżira hija dik imdawra mill-baħar”. Dan ifassal il-mod ta’ tmexxija ta’ siltiet li jkunu għadhom kemm ġew ikkummissjonati u oħrajn eżistenti li jesploraw il-ħsieb ta’ stat ta’ gżira b’modi divertenti u kritiċi. Huwa vjaġġ artistiku mnebbaħ mir-realtajiet tal-Gżejjer Maltin, fejn fuq quddiem hemm ir-relazzjoni tal-gżira mal-eqreb ġar – il-Baħar Mediterran.

L-esibizzjoni tfassal mill-ġdid fruntieri, timmaġina ġeografiji ġodda fejn il-baħar jidher fluwidu u mibdul aktar milli ostaklu fiżiku ieħor bejn in-nies, il-postijiet u l-kultura.

Fi kliem Richter: “Il-programm mifrux madwar postijiet differenti jistieden artisti internazzjonali u Maltin biex ifasslu u jwieġbu għall-urġenzi u l-isfidi attwali u tal-imgħoddi, fejn ir-rwol tal-Baħar Mediterran huwa sinifikanti […] Il-gżira hija mezz ta’ waqfien, familjarizzata b’ċertu romantiċiżmu. Filwaqt li l-baħar huwa simbolu fil-lingwa tal-immaġinazzjoni tagħna; huwa post ta’ riflessjoni, vjaġġ u ħelsien volatili.”

Fl-isfond ta’ ħsibijiet li joħolqu riflessjonijiet provokanti bħal dawn, l-esibizzjoni tesplora l-identità tal-Ġżejjer tagħna f’kuntest globali usa’, billi titfa’ dawl fuq viżjonijiet kreattivi, soċjali u politiċi tal-Mediterran permezz tal-aktar dehra ikonika u dejjiema: il-baħar fond kaħlani.

L-esibizzjoni titnieda fl-10 ta’ Marzu, b’xogħlijiet fi spazji pubbliċi minn Manaf Halbouni f’Birżebbuġa, fil-Belt Valletta u fil-Qala (Uprooted), u intervent minn grupp tal-arti Awstrijak madwar Malta u Għawdex (Fleeting Territories – Mapping Malta). Qed isiru xogħlijiet fuq installazzjoni fuq skala kbira minn James Micallef Grimaud fil-baċiri tal-Marsa u l-Port il-Kbir (Ġiraffa).

Il-25 ta’ Marzu jara l-ftuħ ta’ installazzjoni ta’ skultura minn Aidan Celeste fil-Belt Valletta (What Will Fall), installazzjoni parteċipattiva minn transparadiso fil-Belt Valletta u l-Gżira (Times of Dilemma), l-installazzjoni speċifika tas-sit ta’ Ibrahim Mahama fil-Pixkerija tal-Belt Valletta (A straight line through the Carcass of History) u installazzjoni akustika minn Susan Philipsz fejn il-viżitaturi jistgħu jesploraw ċisterni taħt l-art fil-Belt Valletta (Who By Fire).

Se tiftaħ ukoll esibizzjoni tal-grupp fil-25 ta’ Marzu fiċ-Ċentru tal-Eżamijiet fil-Belt Valletta. Din l-esibizzjoni tinkludi artisti bħal:

  • Heba Y Amin (Eġittu)
  • Hela Ammar (Tuneż)
  • Bettina Hutschek (Ġermanja/Malta)
  • Raphael Vella (Malta)
  • Gilbert Calleja (Malta)
  • Fernando Sanchez Castillo (Spanja)
  • Lida Abdul (Afganistan)
  • Adrian Paci (Albanija)
  • Wael Shawky (Eġittu/Stati Uniti)
  • Antoine Cassar (Malta)
  • Aaron Bezzina (Malta)
  • Center for Political Beauty collective (Ġermanja)
  • Embassy for the Displaced/Scan Lab/Stevanos (Internazzjonali)
  • Kristina Borg (Malta)
  • transparadiso (Awstrija)
  • Tania El Khoury (Lebanon)
  • Fleeting Territories (Awstrija/Żvezja)
  • Manaf Halbouni (Sirja/Ġermanja)

Din l-esibizzjoni tibqa’ miftuħa sas-27 ta’ Mejju.

Tania El Khoury se tkun qed twettaq “Sejjaħ lil Malta”, installazzjoni akustika speċifika tas-sit li titnieda b’rappreżentazzjoni fis-6 t’April, li tesplora l-perċezzjoni dejjem tinbidel tal-Baħar Mediterran.

Kristina Borg se tkun qed tippreżenta “No Man’s Land”, mawra parteċipattiva bil-għan li tesplora forom ġodda ta’ territorju matul il-kosta tal-Belt Valletta. Il-mawriet bid-dgħajjes se jibdew fil-bidu ta’ Ġunju.

 

Il-biljetti jiswew €3 u  jagħtu aċċess ta’ darba għal kull wieħed mis-siti tal-esibizzjoni. Il-biljett jibqa’ validu għat-tul tal-esibizzjoni kollha.