Il-Fondazzjoni Valletta 2018 qiegħda tagħmel appell lill-awtoritajiet responsabbli mill-infrastruttura tal-Belt Valletta sabiex jgħollu l-istandards infrastrutturali tal-belt li se tkun qed tilqa’ l-Presidenza tal-UE fl-2017 u t-titlu ta’ Kapitali Ewropea tal-Kultura fl-2018.
Dawn iż-żewġ avvenimenti ewlenin jirrikjedu ħafna ħsieb u tħejjija, mhux biss min-naħa tal-Fondazzjoni li qed tieħu ħsieb il-Programm Kulturali għas-sena 2018, iżda wkoll minn entitajiet oħrajn li xogħolhom huwa li jikkoordinaw u jissorveljaw is-servizzi ta’ tindif, il-ġestjoni tat-toroq u d-dehra ġenerali tal-belt li għandha bżonn titjieb mill-aktar fis.
Id-Direttur Eżekuttiv ta’ Valletta 2018 Karsten Xuereb qal, “Qegħdin inwettqu l-Programm Kulturali tagħna iżda qegħdin ukoll f’kuntatt ma’ dipartimenti Governattivi u awtoritajiet oħrajn li huma responsabbli mill-infrastruttura tal-Belt Valletta. Permezz tal-Kummissjoni Inter-Ministerjali għall-Kapitali tal-Kultura fl-2018, dawn id-dipartimenti u awtoritajiet huma mistennija jikkoordinaw u jirrappurtaw lill-Fondazzjoni dwar x’qed isir.”
Iċ-Ċermen ta’ Valletta 2018 Jason Micallef qal, “F’dak li huma proġetti, avvenimenti u finanzi li jwasslu għall-2018 kollox qed jaqa’ f’postu. Madankollu, sabiex tkun sena ta’ suċċess bħala Kapitali Ewropea tal-Kultura, hemm bżonn li entitajiet differenti jikkomunikaw magħna sabiex għas-sena tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura l-infrastruttura tilħaq il-livelli adegwati. Il-Fondazzjoni tinsab imħassba li ċerti standards bażiċi li għandhom x’jaqsmu mas-servizzi ta’ tindif, il-ġestjoni tat-toroq u l-infrastruttura m’humiex suffiċjenti u qed titlob biex isir sforz ikkoordinat sabiex il-ġestjoni tal-Belt Valletta tilħaq l-istess livelli ta’ bliet Ewropej oħrajn.”
Is-Sur Micallef qal ukoll li l-Fondazzjoni Valletta 2018 qed tfittex li tagħmel ftehim mal-MEPA fir-rigward tal-proġetti infrastrutturali tal-Belt Valletta qabel l-2018 inklużi dawk li ġew proposti mis-settur privat. Tenħtieġ konsultazzjoni kontinwa mal-Fondazzjoni Valletta 2018 sabiex jiġu evitati xogħlijiet kbar lejliet jew waqt is-sena tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura li jistgħu jnaqsu l-importanza taċ-ċelebrazzjonijiet kulturali.
Is-Sur Micallef ħabbar ukoll li l-Fondazzjoni Valletta 2018 se twettaq ftehim ta’ sħubija mas-settur privat sabiex fil-ġimgħat li ġejjin jiġu installati bords interattivi mal-belt kollha. Dawn il-bords għandhom jagħtu informazzjoni lill-viżitaturi u lir-residenti dwar affarjiet kurrenti, it-temp u informazzjoni ġenerali oħra dwar il-belt.