Il-Kunsill Malti għall-Arti u l-Fondazzjoni Valletta 2018 jilqgħu b’sodisfazzjon l-aħbar li total ta’ €50 miljun f’fondi tal-ERDF (European Regional Development Fund) ġew allokati għall-iżvilupp ta’ proġetti kulturali u għar-restrawr ta’ siti ta’ wirt storiku.
Dan l-investiment jinkludi erba’ proġetti tal-arti kif ukoll erba’ proġetti ta’ wirt kulturali se jżid l-aċċess kulturali, jipprovdi faċilitajiet importanti lil mużewijiet u spazji artistiċi u joffri riżorsi aħjar lil artisti u lil cultural practitioners.
Albert Marshall, iċ-chairman eżekuttiv tal-Kunsill Malti għall-Arti, qal: “Dawn il-proġetti ikomplu jagħtu valur lill-momentum kulturali lejn Valletta 2018 u anke lil hinn. Il-Kunsill Malti għall-Arti se jkompli jaħdem mal-project leaders biex jiżgura l-implimentazzjoni ta’ dawn il-proġetti, li se jkomplu jagħtu spinta lill-azzjonijiet tal-Kunsill hekk kif imfassla fl-Istrateġija Create 2020.”
Jason Micallef, iċ-chairman tal-Fondazzjoni Valletta 2018 qal: “Huwa ta’ sodisfazzjon kbir li bosta minn dawn il-proġetti kapitali huma marbutin mal-appuntament importanti li l-Belt Valletta se jkollha fi 2018 meta se jkollha t-titlu ta’ Kapitali Ewropea tal-Kultura. Dawn il-proġetti jidħlu ukoll fis-strateġija tal-Gvern għal Belt Valletta 2018-2025 u se jservu ta’ legat importanti wara l-2018 fi tkattir ta’ impjiegi ġodda fis-settur tal-kultura u t-tkattir ta’ ekonomiji kreattivi.”