Iktar kmieni llum, f’Palazzo De La Salle, il-Belt Valletta, ġiet imnedija togħma tal-Programm Kulturali ta’ Valletta 2018 – ġabra ta’ proġetti u avvenimenti artistiċi u kulturali li hemm ippjanati għas-sena d-dieħla.
Il-pubblikazzjoni fiha informazzjoni ġenerali dwar proġetti u avvenimenti tal-2018 filwaqt li lill-pubbliku tantiċipalu ftit minn dak li se jiġri.
Is-sena tal-Belt Valletta bħala Kapitali Ewropea tal-Kultura tibda fl-20 ta’ Jannar 2018 b’ċerimonja uffiċjali. Bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet tal-ftuħ se jkun hemm spettakli dinamiċi varji fl-ispazji miftuħa tal-Belt Valletta, fosthom il-Funtana tat-Tritoni, il-Pjazza ta’ Kastilja, il-Pjazza ta’ San Ġwann u l-Pjazza ta’ San Ġorġ.
Iċ-Ċermen ta’ Valletta 2018, Jason Micallef qal, “Iċ-ċelebrazzjonijiet tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura se jieħdu xeħta ta’ festa mal-gżira kollha. Dan huwa avveniment fejn il-poplu u l-familji jiltaqgħu biex jiċċelebraw u jitkellmu filwaqt li l-lokalitajiet jimtlew b’sens sabiħ ta’ ħbiberija, ħajja u kulur li jgħaqqdu lill-komunità.”
Il-Fondazzjoni Valletta 2018 ħarġet ukoll bil-kunċett tal-festa fin-narrattiva tal-programm tagħha. Il-festi jissawru essenzjalment bil-parteċipazzjoni attiva ta’ nies differenti u bl-istess mod, is-suċċess ta’ Valletta 2018 jitlob il-kollaborazzjoni ta’ nies minn kull aspett tal-ħajja, li jikkontribwixxu għall-Programm Kulturali ta’ Valletta 2018.
“Il-Programm Kulturali ta’ Valletta 2018 mimli avvenimenti kulturali innovattivi u parteċipatorjali, eżekuzzjonijiet u proġetti li qatt ma rajna bħalhom f’Malta qabel. Hija opportunità mill-aqwa biex in-nies jersqu qrib xulxin u jipparteċipaw fl-arti u l-kultura,” qalet Margerita Pulè, il-Koordinatur tal-Programm.
Mario Philip Azzopardi, id-Direttur Artistiku għall-Avvenimenti Speċjali qal, “Se jintużaw bosta spazji pubbliċi fil-Belt Valletta biex jilqgħu l-ispettakli fi tmiem il-ġimgħa tal-ftuħ. Se jkun hemm numru ta’ attrazzjonijiet fosthom il-parteċipazzjoni tal-kumpanija internazzjonali tal-akrobazija La Fura Dels Baus, eżekuzzjonijiet miż-żeffiena ta’ ŻfinMalta u projezzjonijiet diġitali madwar il-belt kollha.”
“Il-Belt Valletta bħala Belt Kapitali Ewropea 2018 mhix it-tragward imma hija fażi oħra fis-settur tal-arti u l-kultura. Il-proġett Valletta 2018 huwa filfatt proġett bil-għan li jippreserva l-wirt partimonju kulturali u joħloq legat li jitgawda mhux biss mill-Maltin u l-Għawdxin imma ukoll mit-turist li jzur pajjiżna sabiex inkomplu nkattru il-wirt kulturali tagħna li jirrifletti l-identità tagħna bħala Maltin, Mediterranji u Ewropej”, qal il-Ministru ghall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici waqt attività organizzata mill-Fondazzjoni Valletat 2018 li tat ħarsa lejn il-programm għall-Valletta 2018.
Il-Ministru Bonnici enfasizza ukoll fuq ix-xogħol li sar sabiex mhux biss iħares il-wirt kulturali imma ukoll jeduka u jkabbar l-għarfien f’settur importanti li jikkkontribwixxi ukoll għall-ekonomija tal-pajjiż, b’mod speċjali fil-holqien t’impjiegi.
Element ewlieni ieħor fil-Programm Kulturali ta’ Valletta 2018 hija l-wirja tal-arti viżiva b’siti multipli ta’ Valletta 2018 ikkurata mill-kuratur ta’ fama internazzjonali Maren Richter. Hemm il-ħsieb li dan l-avveniment ewlieni jsir fi tmiem il-ġimgħa tal-ftuħ u x-xogħol b’siti multipli tiegħu jwassal għal xogħlijiet artistiċi oħrajn li jkunu qed iseħħu f’positjiet oħra madwar l-arċipelagu.
It-tieni edizzjoni ta’ Valletta Pageant of the Seas, l-ispettaklu fuq skala kbira li jagħti dehra oħra lill-Port il-Kbir, se ssir fis-7 ta’ Ġunju 2018.
Hemm ukoll il-ħsieb ta’ staġun operistiku. Dan jinkludi x-xogħol operistiku Aħna Refuġjati miktub mill-kompożitur żagħżugħ Malti Mario Sammut. Dan ix-xogħol jirrakkonta l-istorja mħabbta ta’ familja li tipprova taħrab minn pajjiżha fejn hemm il-gwerra. Se tittella wkoll l-opra Orfeo & Majnun li tgħaqqad il-mit Grieg ta’ Orfeo u Ewridiċi mal-leġġenda mil-Lvant Nofsani Leyla u Majnun.
Elementi ewlenin oħra fil-programm jinkludu Altofest Malta, edizzjoni Maltija tal-festival tal-arti ta’ Napli li jilqa’ proġetti interdixxiplinarji fi spazji differenti, minn djar privati għal positjiet tal-komunità u postijiet pubbliċi. Min-naħa l-oħra l-avveniment Malta Calls jiġbor fih eżekuzzjoni mid-DJ internazzjonali Per QX, żfin minn ŻfinMalta u projezzjonijiet mill-artisti Shaun Prickemage u Dan Strutt li huma bbażati f’Londra.
Tista’ ssib verżjoni onlajn tat-togħma tal-Programm Kulturali 2018 hawnhekk