Il-Kunsill Malti għall-Arti ħabbar it-tnedija tal-Malta World Music Festival (MWMF), li l-ewwel edizzjoni tiegħu se tittella’ fid-19 u l-20 ta’ Mejju fil-Forti Sant’ Iermu, il-Belt Valletta.
Fil-qalba tal-Mediterran, Malta minn dejjem kienet f’punt fejn jiltaqgħu popli differenti, fejn it-tlaqqigħ ta’ tradizzjonijiet u influwenzi differenti żviluppaw f’kultura għanja u kkulurita. Hija din is-sbuħija fid-diversità kulturali li se jiċċeleba l-MWMF – il-qsim tad-drawwiet ta’ nies differenti b’għeruq differenti u d-djalogu u l-vitalità li jinħolqu minn dawn l-esperjenzi, espressi permezz tal-mużika. Il-MWMF se jfittex li jkabbar l-identità tiegħu bħala festival f’nofs il-baħar sabiħ tal-Mediteerran, filwaqt li joħloq rabtiet ma’ pajjiżi fil-qrib u lil hinn. Hekk qal id-Direttur Artistiku tal-festival, Renzo Spiteri. “Nixtieq li dan il-festival jitqies bħala ċelebrazzjoni tad-diversità kulturali u pjattaforma dinamika għat-taħlit u d-djalogu ta’ ideat artistiċi, li r-riżultat tagħhom jiġi espress b’tant enerġija permezz tal-mużika. Eċċitat ħafna li se nkun id-Direttur Artistiku tal-ewwel edizzjoni tal-Malta World Music Festival. Hemm programm fantastiku jistenna lill-folla f’Mejju,” temm jgħid.
Il-festival mistenni jippreżenta żewġ serati ta’ mużika enerġetika minn artisti mill-aqwa. Brodu, grupp alternattiv li twaqqaf fl-2011, se jiftħu l-edizzjoni tal-festival ta’ din is-sena. Brodu, li se jniedu t-tieni album tagħhom fix-xhur li ġejjin idoqqu mużika rock b’influwenzi minn ġeneri differenti, u se jdoqqu għanjiet bl-ilsien Malti. Issegwu Tsuumi Sound System – grupp Finlandiż ta’ tmien mużiċisti li jdoqqu mużika folk moderna, ibbażata fuq tradizzjonijiet folk Nordiċi. Wara, Tiwiza – grupp Franco-Alġerin li għandu bħala isem, t-tradizzjoni tal-Afrika ta’ Fuq ibbażata fuq l-idea tas-solidarjetà, jdoqqu taħlita ta’ rittmi bil-perkussjoni, blues tan-nomadi tad-deżert, u arranġamenti u lirika b’saħħithom. The Khoury Project, trio ta’ aħwa li jdoqqu mużika kontemporanja li tgħaqqad forom Għarab ma’ rittmi globalizzati, se jiftħu t-tieni serata tal-festival. Għalkemm fidili lejn it-tradizzjoni tal-mużika klassika Għarbija, The Khoury Project waħħduha ma’ ġeneri oħra bħall-opra, flamenco, mużika Keltika u Indjana u jazz. Dan jagħmilha iktar dinamika u tappella għal udjenzi varji. Leħen Sona Jobarteh, magħruf permezz tal-kontribuzzjonijiet tagħha fil-mużika tal-films bħal ‘Mandela: Long Walk to Freedom’ ukoll se jinstema’ f’din l-edizzjoni tal-festival. Minbarra leħinha, Jobarteh hija magħrufa l-iktar bħala virtuoso tal-kora, tradizzjoni li normalment hija dominata mill-irġiel u tintiret minn missier għall-iben. Hi mmodernizzat il-preżentazzjoni tal-mużika tal-kora – arpa Afrikana b’21 korda – b’kompożizzonijiet ritmiċi moderni li jaqblu tajjeb mal-kant tagħha. Il-festival se jagħlaq b’BandAdriatica, proġett li permezz tiegħu il-mużika tinħoloq bħala riżultat tat-tlaqqigħ ta’ nies differenti u r-repertorji tradizzjonali tagħhom. Dan jikkontribwixxi għall-iżvilupp kontinwu tal-mużika tradizzjonali u jilħaq ukoll l-għan tal-festival li jiċċelebra d-diversità kulturali.
Il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici qal li huwa ta’ pjaċir li qed ninawguraw festival ieħor, din id-darba mill-ġeneru tal-World Music, fejn se nilqgħu fostna artisti internazzjonali filwaqt li nkomplu nesponu t-talenti lokali.”
“F’din il-leġislatura għarafna li l-espressjoni artistika u l-attività kulturali huma importanti, kemm għax jagħtuna gost, imma ukoll nemmnu li għandhom importanza enormi għall-izvilupp nazzjonali u għas-soċjetà tagħna, anke fi sfond ekonomiku.” qal Il-Ministru.
“Oriġinarjament festival tal-folk li ġie razzjonalizzat, il-Malta World Music Festival jiġbor fi ħdanu mużiċisti internazzjonali rebbieħa ta’ diversi premjijiet fil-qasam tagħhom flimkien ma’ mużiċisti lokali li jdoqqu stili tradizzjonali u kontemporanji. In-natura inklużiva tal-world music bħala kategorija setgħet wasslet għal festival li ma kellux identità ċara. Minkejja dan, din is-sena ingħata dehra ġdida aktar friska, aġġornata u kkurata bir-reqqa,” qalet Annabelle Stivala, Direttur tal-Festivals fil-Kunsill Malti għall-Arti. Il-festival, li jappella l-iktar għal udjenzi żgħażagħ, se jittrażmetti sens ta’ enerġija, moviment u l-karatteristiċi partikolari tal-world music.
Biljetti bi prezz imraħħas għal min jaħseb kmieni se jkunu jistgħu jinxtraw bejn l-4 ta’ Marzu u l-15 ta’ April, u se jinbiegħu għall-prezz ta’ €10 għal biljett ta’ serata waħda u €18 għaż-żewġ serati. Mis-16 ta’ April ‘il quddiem, il-biljetti jinbiegħu għall-prezz ta’ €12 għal serata waħda u €20 għaż-żewġ serati. Il-biljetti jistgħu jinxtraw mill-box office tat-Teatru Manoel, jew minn www.teatrumanoel.com.mt. Għal aktar informazzjoni dwar il-festival u l-artisti li se jipparteċipaw żur is-sit www.maltaworldmusicfestival.org
Il-Festival Dinji Malti tal-Mużika 2017 hu mtella’ mill-Kunsill Malti għall-Arti u appoġġjat mill-Ministeru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali, MSV Life u Valletta 2018. Il-Festival se jinżamm bejn l-19 u l-20 ta’ Mejju fil-Forti Sant’ Iermu, il-Belt Valletta.