Iktar kmieni llum ġewwa Blitz Gallery, il-Fondazzjoni Valletta 2018 u Marsovin niedu l-ewwel edizzjoni tal-inbid kommemorattiv ta’ Valletta 2018.
Din il-kollezzjoni ta’ nbid inħolqot wara li l-Fondazzjoni ssieħbet ma’ Marsovin biex tipproduċi sensiela ta’ tliet marki privati ta’ nbejjed li jikkommemoraw it-titlu storiku tal-Belt Valletta bħala Kapitali Ewropea tal-Kultura. Tnejn minn dawn l-inbejjed se jinħarġu din is-sena filwaqt li t-tielet wieħed joħroġ fl-2018. Din l-inizjattiva wittiet it-triq ukoll għal sħubija strateġika bejn dawn iż-żewġ entitajiet li twassal biex Marsovin tkun il-fabbrika tal-inbid uffiċjali li tappoġġja u tirrappreżenta l-vjaġġ tal-kapitali tagħna lejn it-titlu ta’ Kapitali Ewropea tal-Kultura. Din il-kollaborazzjoni ġiet stabbilita bir-rebranding tal-inbid abjad, La Valette, li għandu l-istqarrija, ‘Inbid Uffiċjali Valletta 2018 – Kapitali Ewropea tal-Kultura’ fuq it-tikketti tiegħu.
Iċ-Ċermen tal-Fondazzjoni Valletta 2018 Jason Micallef qal: “L-arti tal-vitikultura u l-produzzjoni tal-inbid tal-marka Marsovin min-nies lokali tas-sengħa evolviet matul is-snin u saret mill-aqwa. Valletta 2018 hija kburija li qed tagħmel dan il-vjaġġ flimkien ma’ Marsovin li l-filosofija tagħha tirrifletti l-istqarrija tal-missjoni tal-Fondazzjoni, jiġifieri l-istimulazzjoni tar-riġenerazzjoni kulturali, soċjali u ekonomika permezz tal-prattika innovattiva”.
Is-Sur Jeremy Cassar, f’isem il-fabbrika tal-inbid Marsovin qal: “Marsovin hija kburija u huwa unur għaliha li tkun assoċjata ma’ Valletta 2018. Bħala parti miċ-ċelebrazzjonijiet f’din l-okkażjoni, Marsovin ħarġet sensiela ta’ tliet edizzjonijiet speċjali ta’ nbejjed mill-għelieqi ta’ Marnisi f’Marsaxlokk li se jwassluna sal-2018.
It-tliet inbejjed se jkunu fil-kategorija ‘La Valette Premium Selection’ fejn it-tim tal-produzzjoni tal-inbid ta’ Marsovin għażel għeneb tal-iprem kwalità u ċċertifikat D.O.K. mill-artijiet tal-fabbrika tal-inbid stess biex jipproduċi din l-edizzjoni speċjali ta’ nbejjed. L-inbid jitħalla iktar minn 18-il xahar fi btieti tal-ballut u dan jagħtih potenzjal sostenibbli li jeqdiem. L-1 Edizzjoni ssir minn għeneb li huwa mija fil-mija Cabernet Sauvignon. Din il-kollezzjoni toffri lill-pubbliku Malti edizzjoni limitata ta’ sensiela ta’ nbejjed li tista’ tinġabar bħala tifkira ta’ dan l-avveniment storiku.
Id-disinn tat-tikketta huwa ispirat minn żewġ elementi preżenti ħafna fil-kapitali tagħna li huma l-gallarija tipika Maltija u t-tinqix fil-ġebel li jżejjen il-ħitan tal-Kon-Katidral ta’ San Ġwann.
L-inbid se jkun għall-bejgħ mill-ħwienet kollha u mill-Kantini ta’ Marsovin. Għal aktar informazzjoni ċempel fuq: 23662401 / 23662445 jew ibgħat email f’dan l-indirizz: [email protected]