Il-Fondazzjoni Valletta 2018 nediet sejħa miftuħa għall-mużiċisti, l-organizzaturi tal-avvenimenti u l-persuni kreattivi minn kull dixxiplina biex jipproponu l-proposti tagħhom sabiex dawn ikunu parti mill-Programm Mużikali tal-Kapitali Ewropea tal-Kultura fl-2018. Qed jiġu kkunsidrati proposti ta’ proġetti u avvenimenti mużikali jew relatati mal-mużika.
Il-proposti li jiġu magħżula jingħataw għotja ta’ mhux aktar minn €6,000 u jitniżżlu fil-kalendarju tal-avvenimenti ta’ Valletta 2018. Il-proposti se jiġu vvalutati skont għadd ta’ kriterji, fosthom, in-natura sperimentali u parteċipatorjali tagħhom kif ukoll l-ispirtu ta’ kollaborazzjoni bejn mużiċisti u ġeneri differenti u tipi ta’ mużika differenti.
Il-proposti li jsiru miż-żgħażagħ u li jrawwmu l-kollaborazzjoni bejn mużiċisti lokali u dawk mir-reġjun Mediterranju jingħataw preferenza.
Il-proposti jistgħu jkunu ġodda jew jistgħu jagħmlu parti minn avveniment jew festival li diġà jeżisti.
Tista’ ssib aktar informazzjoni fuq kif tressaq il-proposta tiegħek fuq: https://valletta2018.org/events/call-for-proposals-music-programme/
Il-proposti jistgħu jitressqu lill-Fondazzjoni Valletta 2018 sa mhux aktar tard mit-Tnejn 22 ta’ Mejju f’nofsinhar.