Valletta 2018 qed tappoġġja GħaNasori: Unity in Diversity (GħaNasori: Unità fid-Diversità) fil-Palazz tal-Inkwiżitur sabiex tqajjem kuxjenza akbar fuq il-wirt intanġibbli.
L-GħaNasori huwa proġett affaxxinanti ta’ Fiorella Camilleri, mużiċista tal-flute u l-piccolo mal-Orkestra Filarmonika Maltija. Il-kunċert se jinkludi Għana tal-Fatt, Għana fil-Għoli, Makjetta, Botta u Risposta u Nasori, u se jkun kumplimentat b’taħlita finali ta’ Għana u Nasori. In-Nasori Bugaku hija żifna tradizzjonali Ġappuniża li kienet tindaqq u tinżifen fil-palazzi Imperjali.
Se jsiru wkoll preżentazzjonijiet qosra mid-Direttriċi tal-Kultura Ms Catherine Tabone dwar Wirt Kulturali Tanġibbli u l-proċess tar-ratifikazzjoni mal-UNESCO, Dr Philip Ciantar dwar l-Għana Maltija, Fiorella Camilleri dwar Nasori, u Dr Petra Caruana Dingli dwar l-innovazzjoni u l-ħsieb kreattiv. Is-Sur Joe Camilleri se jippreżenta u jinawgura apparat teknoloġiku ġdid li se jintuża biex jinġibdu filmati ta’ dan il-proġett b’mod ta’ virtwalitá reali.
Matul l-attività se jkun servut ukoll ikel u xorb tradizzjonali Malti u Ġappuniż. L-attività, li għandha l-appoġġ ta’ Valletta 2018, Heritage Malta, tal-Arts Council Malta u tal-EU Japan Fest, se ssir nhar is-Sibt li ġej fil-Palazz tal-Inkwiżitur fil-Birgu u tibda fis-7.30pm. Il-biljetti jistgħu jinkisbu mill-mużewijiet u siti kollha ta’ Heritage Malta u hemm tliet kategoriji ta’ biljetti, għal min irid joqgħod bilqiegħda bi prezz ta’ €15 (Membri ta’ Heritage Malta €13), bilqiegħda fuq il-cushions għall-prezz ta’ €5 u dawk li jridu joqogħdu bil-wieqfa għall-prezz ta’ €3.