Il-programm tas-27 edizzjoni tal-Malta Jazz Festival ġie mniedi matul konferenza stampa fl-Entrata ta’ Bieb il-Belt, il-Belt Valletta. Ġiet indirizzata mill-Ministru għall-Ġustizzja, il-Kultura u l-Gvern Lokali Dr Owen Bonnici, id-Direttriċi tal-Festivals Ms Annabelle Stivala Attard, id-Direttur Artistiku tal-Jazz Festival is-Sur Sandro Zerafa u ċ-Ċermen tal-Fondazzjoni Valletta 2018 is-Sur Jason Micallef.
Din is-sena, il-Festival se jinkludi serje ta’ kunċerti b’xejn appoġġjati minn Valletta 2018, li se jittellgħu madwar il-Belt Valletta. L-artisti għall-kunċerti b’xejn ta’ nhar il-Ħamis jikkonsistu minn wieħed mill-kitarristi stilel tal-jazz, Romain Pilon, u l-multi strumentalist Munir Hossn. Pilon se jdoqq mal-mistieden speċjali Walter Smith III, wieħed mill-mużiċisti tas-sassofonu ewlenin attwali. Hossn se jappella għal kull min iħobb il-mużika Brażiljana grazzi għall-album Jazz Pop Brażiljan tiegħu ‘Made in Nordeste’, approċċ kontemporanju għall-mużika u r-ritmi mir-reġjun Grigal Brażiljan. Il-kunċert tiegħu se jagħlaq l-attivitajiet b’xejn tal-Ħamis fil-Belt Valletta bi kbir.
Iċ-Ċermen tal-Valletta 2018 qal, “Il-Fondazzjoni Valletta 2018 Foundation għal darb’ oħra qed tappoġġja l-Malta Jazz Festival – wieħed minn serje ta’ festivals organizzati minn Arts Council Malta – li jiċċelebra t-talent mużikali lokali u internazzjonali fost affarijiet oħra, b’serje ta’ attivitajiet fiċ-ċentru tal-Belt Valletta, li kollha se jikkontribwixxu għall-wirt ta’ Valletta 2018.”
Id-Direttriċi tal-Festivals żiedet, “Il-Malta Jazz Festival huwa l-unika avveniment tal-kalibru tiegħu li jippromwovi u jiċċelebra l-jazz lokalment. L-avveniment mifrux fuq tliet ijiem jinkludi artisti u virtwużi internazzjonali f’ambjent uniku. Kollaborazzjonijiet fuq il-palk, masterclasses u workshops strumentali huma uħud mill-attrazzjonijiet li wieħed għandu jistenna. Għal tliet ijiem, il-viżitaturi se jgawdu mill-ħsejjes tal-mużiċisti eċċezzjonali magħrufa madwar id-dinja, b’attivitajiet b’xejn għal kulħadd fiċ-ċentru tal-belt fl-ewwel ġurnata.”
Il-festival ta’ din is-sena qed jinsisti biex jagħmel il-jazz aċċessibbli kemm jista’ jkun. Matul il-konferenza, id-Direttur Artistiku Sandro Zerafa qal, “Il-Malta Jazz Festival qed jikber. Qed jinfirex lil hinn minn Ta’ Liesse. Minbarra lista ta’ artisti li tinkludi fost l-aqwa fil-jazz kontemporanju, il-Malta Jazz Festival qed jinfirex fit-toroq tal-Belt Valletta u jinjetta enerġija kreattiva fix-xena dejjem tikber tal-jazz f’Malta, bi preparament għal Valletta 2018. Il-lista impressjonanti tinkludi t-taħlita ta’ djaletti ta’ dixxendenza Afrikana ta’ Nicholas Payton sat-tribut ta’ Hossn għall-wirt tal-Brażil tal-grigal u l-infużjoni Latina ta’ Al di Meola.
“Il-festival jinsisti fil-missjoni tiegħu li jippromwovi din il-forma tal-arti spettakolari fid-diversità tagħha kollha u li jistimula x-xena lokali permezz ta’ bosta inizjattivi ta’ involviment – sessjonijiet ta’ street jams, kollaborazzjonijiet ma’ mużiċisti internazzjonali, masterclasses u kunċerti b’xejn.”
Il-festival, bħal fi snin preċedenti, se jinkludi xi uħud mill-aktar artisti tal-jazz magħrufa bħal Al di Meola, Antonio Sanchez u Mark Guiliana. Di Meola, li daqq f’Malta l-aħħar fl-2012 u li se jagħlaq il-festival ta’ din is-sena, ġie skopert mill-artist tal-jazz magħruf Chick Corea meta kellu 19-il sena. Din is-sena f’ Ta’ Liesse, minbarra l-mużika tiegħu, se jdoqq mużika minn The Beatles u Piazzolla.
Minbarra li huwa drummer fil-grupp ta’ Pat Metheny, Sanchez huwa wkoll magħruf għall-mużika li kkompona u daqq għall-film ‘Birdman’, li għalih rebaħ Grammy u kien nominat għal BAFTA u Golden Globe.
Giuliana, id-drummer fl-aħħar album ta’ David Bowie ‘Blackstar’, se ddoq f’Ta’ Liesse nhar il-Ġimgħa mal-kwartett tal-jazz tiegħu. In-New York Times irrikonoxxiet lil Guiliana bħala “drummer li fformat kult ta’ ammirazzjoni madwarha”.
Il-Ġimgħa filgħaxija se jingħalaq minn Nicholas Payton, li t-taħlita oriġinali tiegħu tal-hip-hop, il-kliem mitkellma, l-istili ta’ New Orleans u l-jazz kontemporanju se jkunu uħud mill-attrazzjonijiet tal-festival ta’ din is-sena. Iċ-Chicago Tribune irrapurtat li “l-ebda tabella jew kategorija deskrittiva ma tista’ tiġi attribwita għas-solos ta’ Payton, li kienu oriġinali daqskemm kienu teknikament ta’ impożizzjoni.”
Id-Direttur Artistiku semma kif il-festival jappoġġja x-xena lokali u jinkoraġġixxi kollaborazzjonijiet bejn artisti Maltin u internazzjonali. Fil-fatt, it-tliet artisti lokali kollha se jinkludu mużiċisti internazzjonali magħhom. Il-mużiċisti Maltin jinkludu l-vokalista Nadine Axisa, li se tkanta ma’ Rino Cirinnà u Stjepko Gut; Carlo Muscat, li se jkun qed idoqq biswit Burak Bedikyan u Joe Debono, li se jkun qed jikkollabora ma’ Yoni Zelnik u Fred Pasqua.
Aktar dettalji dwar Jazz on the Fringe u l-masterclasses se jiġu mħabbra aktar tard. Il-biljetti jistgħu jinxtraw minn https://www.showshappening.com/Arts-Council-Malta/Malta-Jazz-Festival-2017. Żur www.maltajazzfestival.org għal aktar informazzjoni.
Il-Malta Jazz Festival jiġi organizzat minn Festival Malta fi ħdan l- Arts Council Malta b’kollaborazzjoni ma’ Valletta 2018 u l-Ministeru għall-Ġustizzja, il-Kultura u l-Gvern Lokali; u appoġġjat minn Cyberpass, MSV Life, Phoenicia u l-MTA.
IL-PROGRAMM
Il-Ħamis 20 ta’ Lulju (attività b’xejn appoġġjata minn Valletta 2018)
Daħla ta’ Bieb il-Belt, il-Belt Valletta fit-8pm
Romain Pilon feat. Walter Smith III
Pjazzu Teatru Rjal, Valletta
Nadine Axisa feat. Rino Cirinnà u Stjepko Gut
Quddiem il-Qorti, il-Belt Valletta
Munir Hossn ‘Made in Nordeste’
Il-Ġimgħa 21 ta’ Lulju
Ta’ Liesse, il-Belt Valletta fit-8pm
Joe Debono Trio
Mark Guiliana Jazz Quartet
Nicholas Payton ‘Afro Caribbean Mixtape’
Is-Sibt 22 ta’ Lulju
Ta’ Liesse, il-Belt Valletta fit-8pm
Carlo Muscat feat. Burak Bedikyan
Antonio Sanchez u ‘Migration’
Al di Meola ‘World Sinfonia’ – “Music of Di Meola, Piazzolla & Lennon-McCartney“
Prezzijiet tal-Biljetti
€30 għal biljett ta’ ġurnata waħda – bilqiegħda (VIP)
€50 għal biljett ta’ jumejn – bilqiegħda (VIP)
€20 għal biljett ta’ ġurnata waħda – bilwieqfa (se jkun hemm siġġijiet b’xejn disponibbli)
€35 għal biljett ta’ jumejn – bilwieqfa (se jkun hemm siġġijiet b’xejn disponibbli)