Iċ-Ċermen ta’ Valletta 2018 Jason Micallef flimkien mad-direttur ta’ Big Exhibits Jean Pierre Mizzi inawguraw l-ewwel skrin min sett ta’ skrins elettroniċi interattivi li se jiġu installati madwar il-Belt Valletta fi Pjazza Kastilja aktar kmieni llum.

L-iskrins fuq barra huma l-ewwel tat-tip tagħhom f’Malta, u se jservu bħala ċentri ta’ informazzjoni li jipprovdu utenti b’aġġornamenti dwar il-Programm Kulturali ta’ Valletta 2018 u se jagħtu aktar dettalji dwar iċ-ċelebrazzjonijiet tal-ftuħ ta’ Valletta 2018 li se jsiru fl-20 ta’ Jannar 2018. Minbarra dan, se jkunu qed jipprovdu aħbarijiet u aġġornamenti tat-temp, kif ukoll sistema ta’ navigazzjoni għall-utenti li jkunu qed iduru fil-Belt Valletta.

Bħala parti mill-impenn ta’ Valletta 2018 biex il-Belt Valletta tkun aktar aċċessibbli, dawn l-iskrins huma wkoll iddisinjati biex ikunu jistgħu jintużaw minn utenti tas-siġġijiet tar-roti. L-utenti jistgħu wkoll jieħdu ‘selfies’ ma’ diversi siti madwar il-Belt Valletta, u jaġixxu bħala sfond għar-ritratti tagħhom.

Għaxar skrins se jiġu installati madwar il-Belt Valletta fil-jiem li ġejjin, inkluż fi Pjazza Kastilja, faċċata tal-Parlament fi Triq ir-Repubblika, ħdejn il-Ġonna ta’ Hastings, faċċata tal-Qorti fi Triq ir-Repubblika, ħdejn id-daħla tal-lift fix-Xatt ta’ Lascaris, ħdejn id-daħla tal-Malta Experience fi Triq il-Mediterran, ħdejn id-daħla tal-Valletta Cruise Port, kif ukoll tliet skrins madwar iż-żona tal-Funtana tat-Tritoni.

Dawn l-iskrins huma parti minn sħubija pubblika-privata.

 

FullSizeRender (3)