Fuq il-passi tal-edizzjonijiet preċedenti l-Karnival għall-2018 se jkompli jibni fuq is-suċċessi ta’ qabel b’żieda fid-diversità tal-attivitajiet kif ukoll b’żieda ta’ parteċipanti. Apparti minn hekk l-edizzjoni ta’ din is-sena se tara żieda ta’ madwar 12 % fil-budget allokat mill-edizzjoni ta’ qabel.
Il-Karnival tal-Belt din is-sena għandu numru rekord ta’ parteċipanti taż-żfin – se jipparteċipaw ’il fuq minn 20 kumpanja kompetittiva kif ukoll 15-il skola taż-żfin u għall-ewwel darba wkoll se jipparteċipaw kumpaniji taż-żfin minn Għawdex. Il-Karnival se jibda ġimgħa qabel permezz ta’ sfilata bil-karrijiet, bil-baned, bil-maskaruni u bil-kumpaniji taż-żfin fil-Kottonera – li huma ftit mill-avvenimenti li se jseħħu fl-edizzjoni ta’ din is-sena.
“Dan kollu juri kemm il-Karnival jinsab fl-aqwa tiegħu. Iċ-ċelebrazzjonjiet matul dawn l-aħħar snin komplew jiżdiedu mhux biss fil-Belt Valletta fejn iċ-ċerimonja tal-ftuħ dis-sena se ssir il-Ħamis flok il-Ġimgħa iżda wkoll frixna ċ-ċelebrazzjonijiet fi bnadi oħrajn u mhux fil-Belt biss”, qal il-Ministru għall-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali Owen Bonnici. “L-għan prinċipali hu li nsaħħu l-interess fil-Karnival kemm mal-parteċipanti kif ukoll ma’ dawk l-eluf li jidħlu l-Belt jew iżuru rħula oħrajn biex igawdu din iċ-ċelebrazzjoni unika fid-dinja”.
Is-Segretarju Parlamentari għall-Protezzjoni tal-Konsumatur u Valletta 2018 Deo Debattista qal li, “Din is-sena l-Karnival se jkun partikolari ħafna għax se jkun l-ewwel festa Maltija li se tiġbed diversi nies lejn il-Belt li se ssir wara l-ftuħ uffiċjali ta’ Valletta 2018. Għalhekk se jkun Karnival li Kapitali Ewropea tal-Kultura jistħoqqilha”.
“Il-Karnival, tul l-aħħar ħames snin, beda jitqies bħala l-akbar avveniment f’Malta u għalhekk ma jistax jonqos li jkun hemm attivitajiet innovattivi li huma parti minn Valletta2018. Se jsir ukoll Ballu Tritoni, ħdejn il-Funtana tat-Tritoni, bis-sehem ta’ DJs lokali u spettaklu mill-Big Band Brothers”, żied jgħid Jason Busuttil, id-Direttur Artistiku tal-Karnival.
Il-biċċa l-kbira tal-attivitajiet se jsiru l-Belt Valletta fi Pjazza San Ġorġ u jintemmu bil-Gran Finale l-Furjana. Dawn jinkludu sfilati b’karrijiet trijonfali u satiriċi, skejjel u kumpaniji taż-żfin, maskeruni u maskeruni iżolati kif ukoll parati tal-kostumi. Se ssir edizzjoni tal-Qarċilla bl-isem ‘L-Għarusa Karfusa’, li qed tittellgħa għall-ewwel darba minn Teatru Malta. Attività oħra mtellgħa minn Festivals Malta barra l-Belt hi ‘Festa Baned’, parata li se ssir għar-raba’ darba fil-Ħamrun.
Iċ-Ċentru tax-Xjenza Interattiva Esplora fil-Kalkara għal darba oħra se jtella’ attivitajiet marbuta mal-Karnival bl-isem ‘Kuluri Karnival’. L-attivitajiet jinkludu taħdidiet dwar il-Karnival, spettakli tax-xjenza, kompetizzjonijiet għall-aħjar kostum u workshops interattivi.
Għal din il-konferenza tal-aħbarijiet kien hemm preżenti wkoll Rachael Backburn, Direttur mill-Esplora u Vincent Fabri mill-Kunsill Lokali tal-Belt Valletta.
Għal aktar tagħrif dwar il-Karnival żur www.karnivaltamalta.org. Il-biljetti jistgħu jinxtraw minn www.ticketline.com.mt, Embassy Cinemas jew direttament mis-sit tal-Karnival.