Waqt konferenza tal-aħbarijiet il-ġimgħa l-oħra ġewwa l-Metropole Hotel f’Moska, iċ-Ċermen tal-Fondazzjoni Valletta 2018 Jason Micallef, flimkien maċ-Ċermen tal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta Sigmund Mifsud u r-rappreżentant tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Lionel Gerada, fil-preżenza tal-President tal-European Foundation for the Support of Culture Konstantin Ishkhanov, ħabbru li bħala parti mill-kollaborazzjoni kbira bejn il-European Foundation for the Support of Culture, din is-sena, il-Malta International Music Festival ser jinkludi xejn anqas minn sittax-il kunċert ta’ mużika klassika, workshops, u kompetizzjoni kbira għal pjanisti bil-premju finali jkun €100,000.
Il-kontinġent Malti kien Moska fuq stedina tal-President tal-European Foundation for the Support of Culture, Konstantin Ishkhanov. Din il-Fondazzjoni għandha wkoll uffiċċju f’Malta minn fejn bdiet taħdem ftit tas-snin ilu.
Fost il-mużiċisti ta’ fama internazzjonali li ser ikunu fil-Belt Valletta hemm il-pjanist leġġendarju Grigory Sokolov, il-vjolinist rebbieħ tal-Grammy Award Maxim Vengerov, iċ- ċellist rebbieħ tal-midalja tad-deheb fil-kompetizzjoni Tchaikovsky Narek Hakhnazaryan, u lvjolist David Carpenter, il-vjolinist Ray Chen, il-pjanist Denis Kozhukhin u l-Khachaturyan Trio.
Il-kunċerti ser jittellgħu f’Dar il-Mediterran għall-Konferenzi, fi Pjazza San Ġorġ, kif ukoll fis-Sala Robert Samut il-Furjana, u se jibqgħu għaddejjin mill-15 ta’ April sal-1 ta’ Mejju. Il-kunċert ta’ Pjazza San Ġorġ jinkludi prestazzjoni mużikali bejn l-Armenian State Symphony Orchestra u l-Orkestra Filarmonika Maltija, nhar it-22 ta’ April fit-8pm.
Iċ-Ċermen tal-Fondazzjoni Valletta 2018 saħaq li din il-kollaborazzjoni tkompli ssostni l-kalendarju kulturali bid-dimensjoni Ewropea u internazzjonali tal-Fondazzjoni Valletta 2018. Saħaq li din hija opportunità kbira għall-Maltin u l-Għawdxin li jaraw uħud mill-mużiċisti u surmastrijiet ta’ fama internazzjonali fil-Belt Valletta filwaqt li hija opportunità kbira għal mużiċisti Maltin li jeżerċitaw it-talenti tagħhom f’festival uniku u daqshekk prestiġjuż.
Iċ-Ċermen tal-Orkestra Filarmonika ta’ Malta Sigmund Mifsud osserva li festival ta’ din l-iskala, għen biex jagħti identità lix-xena tal-mużika klassika Maltija billi jippromovi mużika ta’ kompożituri Maltin. Huwa tassew unur li naraw il-mużiċisti tagħna bħala solisti f’dan il-festival u fuq l-istess palk ma’ uħud mill-aqwa artisti minn madwar id-dinja fosthom Vengerov, Sokolov u ħafna oħrajn.
Is-Sur Gerada tenna li huwa tassew interessanti kif il-Belt Valletta qed tieħu żvolta ġdida bħala Kapitali Ewropea tal-Kultura b’dan il-festival u oħrajn ta’ kalibru fosthom l-Isle of MTV, il-Malta International Baroque Festival, Lost and Found u Unite With Tomorrowland. Huwa semma wkoll li din is-sena hemm erba’ festivals ġodda fil-kalendarju tagħna bil-Malta International Music Festival ikun wieħed minnhom. Dan kollu jgħin biex il-gżejjer tagħna jkunu destinazzjoni aktar interessanti għal dawk li jżuruna.
Għal aktar dettalji, żur www.maltafest.eu.