Valletta 2018 fetħet iċ-ċisterni ta’ taħt l-art li jinsabu faċċata tal-Qorti bħala parti mill-esibizzjoni kbira, Dal-Baħar Madwarha.
Fiċ-ċisterni ta’ taħt l-art qed tittella’ installazzjoni akustika minn Susan Philipsz, li hija wkoll rebbieħa tat-Turner Prize, bl-isem ta’ Who By Fire, fejn il-viżitaturi jistgħu jiskopru l-Belt Valletta minn taħt l-art. L-installazzjoni ta’ Philipsz tirreferi għal qanpiena navali antika li ġiet salvata u li issa tinsab fil-Mużew Nazzjonali tal-Gwerra f’Sant’Iermu. Din il-qanpiena llum tibqa’ rikordju tal-impatt u l-qawwa tal-attakki mill-ajru waqt il-gwerra. Ix-xogħol ta’ Philipsz ifakkarna fil-memorji u fil-kulturi lokali differenti matul iż-żminijiet.
Dal-Baħar Madwarha, esibizzjoni kbira ta’ arti viżwali, tiftaħ fil-25 ta’ Marzu, u qed tittella’ f’ numru ta’ siti inkluż fi tliet postijiet fil-Belt Valletta: parti miċ-ċisterni ta’ taħt l-art quddiem il-Qorti, il-Pixkerija l-antika f’Barriera Wharf, kif ukoll iċ-ċentru tal-eżamijiet antik f’Sant’ Iermu. 22 artist, kemm Maltin kif ukoll internazzjonali, qed jikkollaboraw mal-kuratriċi ta’ dan il-proġett, Maren Richter, sabiex jesibixxu x-xogħol tagħhom li għandu x’jaqsam kemm mal-kunċett ta’ Malta bħala gżira, kif ukoll ma’ realtajiet kontemporanji soċjali bħall-imigrazzjoni, it-traffiku, u l-bini. L-esibizzjoni tibqa’ miftuħa sal-1 ta’ Lulju, 2018.
L-esibizzjoni fil-Pixkerija għandha x’taqsam direttament mal-binja tal-Pixkerija nnifisha. Installazjoni ta’ Ibrahim Mahama – A Straight Line Through the Carcass of History – hija magħmula minn linja dritta ta’ xbieki, bl-intenzjoni li tfakkar lill-udjenza fl-użu tal-Pixkerija fil-passat, fil-futur inċert tagħha u fil-Baħar Mediterran bħala simbolu ta’ kummerċ bejn l-Afrika u l-Ewropa.
Esibizzjoni kbira qed tittella’ wkoll fiċ-ċentru tal-eżamijiet l-antik f’Sant’Iermu, fejn se jkun esibit ix-xogħol ta’ diversi artisti minn madwar id-dinja: Kristina Borg (Malta), transparadiso (Austria), Tania el Khoury (Lebanon), Fleeting Territories (Awstrija/Svezja), Manaf Halbouni (Sirja/Ġermanja), Heba Y Amin (Eġittu), Hela Ammar (Tuneżija), Bettina Hutschek (Ġermanja/Malta), Raphael Vella (Malta), Gilbert Calleja (Malta), Fernando Sanchez Castillo (Malta), Lida Abdul (Afganistan), Adrian Paci (Albanija), Wael Shawky (Eġittu/Amerka), Antoine Cassar (Malta), Aaron Bezzina (Malta), Center for Political Beauty (Ġermanja) u Embassy for the Displaced/Scan Lab (Internazzjonali). Din l-esibizzjoni tibqa’ miftuħha sat-27 ta’ Mejju, 2018.
Minbarra l-esibizzjoni fil-Belt Valletta, diversi strutturi ta’ skala kbira ġew installati f’postijiet mhux mistennija madwar Malta, bħala parti minn Dal-Baħar Madwarha. Waħda minn dawn l-istrutturi hija Ġiraffa, krejn isfar u kbir fil-Palumbo Shipyard, li qed jiġi mibdul f’ġiraffa mill-artist Malti rinomat, James Micallef Grimaud. L-intervent tal-artist jirreferi għall-fatt li l-Arċipelagu Malti huwa qrib kemm tal-Afrika kif ukoll tal-Ewropa. Illum, tinħass distanza bejn l-Afrika u l-Ewropa iżjed minn qatt qabel, minħabba l-fruntieri bejn iż-żewġ kontinenti, kif ukoll l-immigrazzjoni. Krejn mibdul f’ġiraffa jilqa’ lit-turisti li jivvjaġġaw lejn pajjiżna permezz tal-Port il-Kbir u anke lil dawk li jħarsu lejn il-Port biex japprezzaw is-sbuħija li joffri, u jiċċelebra l-valuri tat-tolleranza u d-diversità bejn kulturi differenti.
Fleeting Territories: Mapping Malta fid-Dwana, il-Belt Valletta – kollezzjoni ta’ arti mill-artisti Awstrijaċi Sabine Bitter, Helmut Weber u Klaus Schafler, kif ukoll ir-riċerkatur Svediż Jonatan Habib Enquis, għandha l-intenzjoni li tqajjem diskussjoni li titratta dwar soċjetà li teżisti bejn tliet spazji differenti: l-ispazju tal-ajru Malti, l-ispazju marittimu, kif ukoll dak terrestri. Uprooted ta’ Manaf Halbouni, hija kollezzjoni ta’ installazzjonijiet fi spazju apert f’forma ta’ karozzi fil-Belt Valletta, Birżebbuġa u Ħondoq ir-Rummien f’Għawdex, li titratta r-relazzjoni ta’ Malta mat-traffiku u l-bini. What Will Fall ta’ Aidan Celeste, skultura mibnija minn xibka tas-sajd, titfa’ dawl fuq l-idea ta’ ‘Ghost Fishing’, fenomenu ġdid li qed iwassal għal żieda fit-tniġġis u anke għal nuqqas fir-riżorsi naturali tal-baħar, waqt li Arċipelagu, installazzjoni ta’ Raphael Vella, tistieden artisti minn diversi gżejjer Mediterranji biex jaqsmu l-esperjenzi tagħhom dwar il-ħajja fuq gżira permezz ta’ ‘collage’ li jinkorpora tpinġijiet, kitbiet kif ukoll vidjows. Installazzjonijiet oħrajn jinkludu Fleeting Territories: Mapping Malta (Part 1), No Man’s Land, ta’ Kristina Borg, Times of Dilemma ta’ transparadiso, kif ukoll Sejjaħ lil Malta (Call Malta) ta’ Tania El Khoury.
Dawn l-interventi artistiċi jistiednu persuni minn kull qasam tal-ħajja biex jieħdu sehem f’dan il-proġett, u biex jaħsbu dwar l-isfidi li ġġib magħha ħajja fi spazju limitat f’pajjiż imdawwar bil-baħar.
Biljetti jiswew €5 u bihom wieħed jista’ jżur is-siti kollha tal-esibizzjoni għal darba biss. Il-biljett jibqa’ validu għat-tul tal-esibizzjoni kollha, u jista’ jinxtara minn [email protected].