Filwaqt li l-Belt Valletta qed tiġi mfakkra bħala l-Kapitali Ewropea tal-Kultura għall-2018, Malta Public Transport, b’kollaborazzjoni ma’ Valletta Ferry Services, Heritage Malta u Malta 5D, tinsab onorata illi ser tniedi prodott ġdid tagħha: il-Valletta Card. Il-Valletta Card il-ġdida hija ‘pass’ ta’ 24 siegħa, li toffri soluzzjonijiet għall-ivvjaġġar minn u lejn il-belt bil-karozza tal-linja jew bil-lanċa, vjaġġar ġol-belt bil-karozza tal-linja u dħul għal siti turistiċi fil-Belt Valletta.

“Dan huwa l-ewwel prodott li jinkludi benefiċċji mhux marbutin mal-ivvjaġġar għall-klijenti tagħna,” spjega Daniel Grech, Direttur Kummerċjali tal-Malta Public Transport. “Aħna nemmnu li l-ebda żjara lejn Malta ma tkun kompluta mingħajr ma wieħed jesperjenza l-isbuħija tal-belt kapitali tagħna u ħdimna mal-kollaboraturi tagħna sabiex noffru lill-klijenti tagħna mod faċli kif jesploraw il-Belt Valletta b’din il-card il-ġdida.”

Il-Valletta Card il-ġdida tinkludi vjaġġar lejn u minn Valletta minn kwalunkwe post f’Malta permezz tal-karozzi tal-linja tat-trasport pubbliku, vjaġġar lejn u minn Valleta bil-lanċa minn Tas-Sliema u Cospicua permezz tal-Valletta Ferry Services; vjaġġar ġo Valletta permezz tar-Route 133 – the circular route; u dħul ġo tlieta mis-siti li ġejjin: The Palace State Rooms, The Palace Armoury, The National Museum of Archaeology u Malta 5D.

Il-General Manager tal-Valletta Ferry Services, l-operatur tas-servizz effiċjenti tal-laneċ bejn Sliema u Valletta u t-Tliet Ibliet u Valletta, Joseph Sant Fournier stqarr, “Il-Valletta Card hija t-tielet kollaborazzjoni bejn Malta Public Transport u Valletta Ferry Services.”

Żied jgħid li “il-kumpanija m’għandhiex dubju, li bħas-suċċess li ksibna bl-ExplorePlus kif ukoll bl-għaqda tal-Ferry Service mat-tallinja card, li tista’ tintuża sabiex tivvjaġġa fuq il-Ferry Service, il-Valletta Card ser tkun suċċess kbir peress li tippermetti lill-passiġera illi jivvjaġġaw bejn Valletta, Sliema u t-Tliet Ibliet mingħajr ebda problemi.”

L-‘acting’ CEO ta’ Heritage Malta Noel Zammit spjega li “din hija l-ewwel darba li Heritage Malta qed tikkolabora mal-Malta Public Transport permezz ta’ dan il-proġett. Nemmnu li din l-inizjattiva ser tkun ta’ benefiċċju għall-kollaboraturi li ħadmu flimkien sabiex joffru dan is-servizz u għall-klijent li ser igawdi soluzzjoni bi prezz tajjeb ħafna.”

“Ninsabu kuntenti tali aħna parti minn din l-inizjattiva. Il-Valletta Card tagħti lil min jivvjaġġa l-possibiltà li jgawdi mill-benefiċċji kollha taż-żjara tagħhom fil-Belt Kapitali,” sostniet Mariella Erdogan, Sales Manager tal-Malta 5D. “Nemmnu li l-esperjenza tal-Malta 5D toffri ħarsa ġenerali lejn l-istorja u l-kultura lokali filwaqt li tippermettilhom illi jżuru Valletta u l-lokalitajiet qrib bl-informazzjoni meħtieġa. L-‘ispecial effects’ tax-‘show’ għandhom iqanqlu l-entużjażmu meħtieġ li wieħed għandu bżonn biex jibda l-btala tiegħu.”

Il-Valletta Card hija ‘endorsed’ mill-Valletta 2018 Foundation u ċ-Chairman tal-organizzazzjoni Jason Micallef stqarr illi “Valletta 2018 Foundation tinsab kuntenta illi qed tikkolabora mal-Malta Public Transport fuq dan il-proġett il-ġdid li jagħti aċċess għal numru ta’ siti kulturali ġo Valletta. Din il-card hija wkoll tifkira tas-sena tal-Belt Kulturali Ewropea.”

Il-Valletta Card tista’ tinxtara għal €19 minn kwalunkwe uffiċċju tal-bejgħ tal-Malta Public Transport ġo Valletta, fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta, f’Buġibba, f’Tas-Sliema, u fir-Rabat, Għawdex għall- użu immedjat tal-karozza tal-linja.

Għal aktar informazzjoni żur publictransport.com.mt.