F’April li għadda, artisti minn Malta u minn Vjenna ltaqgħu ma’ xjentisti mill-Università ta’ Malta li qed jippreparaw għall-festival ‘Science in the City’ li se jsir fit-28 ta’ Settembru ġewwa l-Belt Valletta.
L-artisti u x-xjentisti se jkunu qed jaħdmu flimkien biex jittrasformaw il-Belt Valletta permezz ta’ numru ta’ proġetti xjentifiċi u artistiċi li hemm ippjanati għal dan il-festival.
Dawn se jkunu qed joħolqu maws tal-kompjuter li jista’ jinstaq madwar il-Belt u xogħlijiet ta’ arti b’realtà miżjuda li jinvolvu teknoloġija avvanzata, u se jittrasformaw l-ideat li għandna dwar il-karbonju, il-ġisem uman u l-istorja tagħna – però iktar informazzjoni se tkun żvelata iżjed tard.
Il-proġett ilu jinħadem kważi sentejn flimkien mal-Prof. Virgil Widrich u l-amministratur tal-proġett Nemanja Popadic, mill-Università tal-Arti Applikata fi Vjenna, b’kollaborazzjoni ma’ Prof. Vince Briffa, Dr Edward Duca u Angele Galea mill-Università ta’ Malta, bl-appoġġ tal-Fondazzjoni Valletta 2018.
L-artisti, Daniela Brill Estrada u Lala Nomada, iltaqgħu mal-arkeologu Dr Ing. John Betts, li jgħaqqad it-teknoloġija tad-drones ma’ siti qodma, u mal-ispeċjalista fil-kimika molekulari Dr David Magri, li juża t-technoloġija ‘Lab-on-a-chip’.
L-artist Michael Bachhofer iltaqa’ man-newroxjentist Dr Nowell Zammit u r-riċerkatur tal-logħob Prof. Georgios Yannakakis, li r-riċerka tiegħu kienet ta’ ispirazzjoni għal episodju minn ‘Black Mirror’.
L-artisti Matyou Galea u Matthew Attard iltaqgħu mar-riċerkatriċi Vanessa Camilleri, li ħolqot esperjenza ta’ realtà miżjuda li tiffoka fuq l-awtiżmu, u x-xjentist konjittiv Prof. Ian Thornton, li jistudja kif il-moħħ jirrappreżenta informazzjoni li tinbidel matul iż-żmien.
Il-festival ‘Science in the City – European Researchers’ Night’ hu organizzat mill-Università ta’ Malta, ir-Research Trust fl-Università ta’ Malta u l-Malta Chamber of Scientists flimkien ma’ numru kbir ta sieħba. Finanzjat mill-Programm għar-Riċerka u l-Innovazzjoni Horizon 2020 (H2020, 2014-2020) tal-Kummissjoni Ewropea, l-azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie, u rikonoxxut bħala festival mill-Europe for Festivals and Festivals for Europe (EFFE). Appoġjat mill-Fondazzjoni Valletta 2018, is-Segretarju Parlamentari għas-Servizzi Finanzjarji, l-Ekonomija Diġitali u l-Innovazzjoni, u numru ta’ sponsors korporattivi.