Adattazzjoni ġdida li se tittella’ fuq barra tal-opera klassika ta’ Giuseppe Verdi maħbuba minn bosta l-Aida ser tittella’ f’Settembru ġewwa Pjazza Teatru Rjal, il-Belt Valletta bħala parti minn Valletta 2018, u anke ġewwa l-Olanda permezz tas-sħubija tal-belt Valletta ma’ Leeuwarden-Fryslân li hija wkoll Kapitali Ewropea tal-Kultura.
L-opera tirrakkonta l-istorja tal-Prinċipessa Aida u l-maħbub tagħha Radames, il-kmandant militari tal-għadu tagħha. Din il-produzzjoni kontemporanja tal-Aida ser tittella’ mill-kumpanija Olandiża magħrufa Opera Spanga taħt id-direzzjoni ta’ Corina Van Eijk, u ser tkun akkumpanjata mill-Orkestra Filarmonika ta’ Malta meta ssir f’pajjiżna u mill-Filharmonie Noord meta tittella’ l-Olanda.
B’kast internazzjonali ta’ esperjenza kbira, fosthom kantanti Maltin u Olandiżi, il-produzzjoni toffri approċċ ġdid għall-opera bl-użu ta’ elementi multimedjali u billi timbotta l-konfini tal-kreattività u tiffoka fuq ir-realiżmu u l-emozzjonijiet tal-istorja.
“Jien għażilt din l-opera minħabba l-mużika, għax hija sabiħa immens, temozzjonak u tfisser ħafna,” qalet Van Eijk. “Filwaqt li l-Aida minn dejjem ittellgħet b’ġestikolazzjonijiet kbar, l-unika xena verament grandjuża li fiha hija l-marċ trijonfali, iżda mbagħad fiha ħafna aktar xeni ta’ mħabba ta’ ġmiel kbir li huma aktar intimi. Aħna ridna li din il-produzzjoni tittrażmetti l-emozzjonijiet ġenwini tal-istorja permezz tal-mużika, u ħdimna qatigħ biex niżviluppaw reċtar naturali waqt li titkanta b’mod operatiku.”
L-istorja u t-temi esplorati fl-Aida għadhom topiċi u rilevanti sal-lum, minkejja li l-opera nkitbet fis-seklu 19. “Din l-opera inkredibbli titkellem dwar kwistjonijiet li għadna niffaċċjaw sal-lum fid-dinja, bħalma huma l-isfidi politiċi, il-kunflitt bejn l-istat u l-knisja, il-mistħija, il-lealtà u n-natura tal-imħabba, il-gwerra, il-paċi u l-maħfra,” kompliet Van Eijk.
Iż-żewġ produzzjonijiet identiċi ser jittellgħu fil-Belt Valletta u fil-kampanja Olandiża fejn huma bbażati Opera Spanga. Studenti mill-MCAST f’Malta u minn D’Drive f’Leeuwarden ġew offruti opportunitajiet biex jikkontribwixxu għall-produzzjoni, jew fid-disinn tal-kostumi taħt il-gwida tat-talenti magħrufa tad-disinjaturi Charles & Ron, jew fl-oqsma tad-disinn tal-produzzjoni u tal-produzzjoni tal-films.
L-Aida ta’ Giuseppe Verdi ser tittella’ minn Opera Spanga ġewwa Pjazza Teatru Rjal il-Belt Valletta fit-13 u l-15 ta’ Settembru 2018. Għal aktar tagħrif u għall-biljetti, żuru www.pjazzateatrurjal.com.