Il-Fondazzjoni Valletta 2018, b’kollaborazzjoni mal-Ambaxxata għall-Kroazja f’Malta, tippreżenta kunċert ta’ mużika ‘Klapa’ mill-grupp Kroat ‘Klapa Saint Mihovil’. Se jsiru żewġ rappreżentazzjonijiet ta’ dan il-kunċert fil-Belt Valletta nhar it-18 ta’ Ġunju; fi Pjazza San Ġorġ fis-6pm, u f’The Gut fit-8pm.

Il-mużika ‘Klapa’, li ġiet imniżżla bħala Patrimonju Kulturali Intanġibbli tal-Umanità tal-UNESCO fl-2012, hi forma ta’ kant ‘a cappella’ tradizzjonali fil-Kroazja li jitwieled fi spazji pubbliċi miftuħa bħat-toroq u l-pjazez. Il-kelma ‘Klapa’ tittraduċi bħala “grupp ta’ ħbieb” u bdiet minn kant littorali fil-knejjes li jitratta t-temi tal-imħabba, l-inbid, il-pajjiż tat-twelid u l-baħar.

Il-kunċert, bit-titlu ta’ ‘Fidi, mħabba u l-art tat-twelid’, se jdum madwar ħamsa u erbgħin minuta, u jikkonsisti fi ħmistax-il kanzunetta Kroata fit-tradizzjoni ‘Klapa’, kantati mill-grupp Klapa Saint Mihovil. Dan hu l-grupp uffiċjali tal-Ministeru tal-Intern fil-Kroazja, u l-kantanti kollha huma membri tal-Forzi tal-Pulizija Nazzjonali li ilhom ikantaw flimkien b’suċċess sa mill-2009. Il-grupp hu magħmul minn Tonči Marinovič (I. tenur), Milan Katić, Petar Domazet, Tomislav Bašić (II. tenur) , Jerko Livačić, Ante Šućur, Tomislav Čizmić (ilħna baritoni), Ante Šipić, Zvonimir Kovačić u Ivan Bašić (baxx).

Dan l-avveniment hu parti mill-Programm Kulturali ta’ Valletta 2018. Il-kunċert qed jiġi organizzat mill-Ambaxxata għall-Kroazja f’Malta u l-Fondazzjoni Valletta 2018, bl-appoġġ ta’ Valletta Boutique Living.

 

Valletta 2018 Premium Partners: General Soft Drinks Co. Ltd., Coca Cola, Bavaria and Bank of Valletta