Magna Żmien jippreżenta KAPSULA MERILL, Il-Magna ta’ Memorji Meraviljużi, fit-tieni serata għall-ġbir tal-memorji lokali, nhar is-Sibt, 15 ta’ Settembru, fit-tmienja ta’ filgħaxija, bħala parti mill-Programm Kulturali ta’ Valletta 2018.
Dan l-avveniment se jsir ġewwa l-Pjazza tal-Katidral, iċ-Ċittadella, Għawdex. Il-programm ser jinkludi rappreżentazzjoni fil-magna taż-żmien tal-Vjaġġatur Wistin u l-Banda ta’ Memorji Meraviljużi, installazzjoni akustika minn Timothy Garrett, kif ukoll viżwali magħmulin minn Andrej Vujicic. Il-vjaġġatur No.35, jew Wistin, qed joffrilna opportunità unika biex niġbru u nsalvaw il-memorji prezzjużi tagħna.
Sa mill-bidu tagħha, Magna Żmien wettqet riċerka bl-għajnuna tal- kunsilli lokali ta’ erba’ lokalitajiet: il-Kalkara, il-Mellieħa, is-Siġġiewi u r-Rabat, Għawdex, u ħeġġet lin-nies biex jaqsmu l-memorji tagħhom ma’ dan il-proġett. Nies minn lokalitajiet oħra huma wkoll mistiedna jipparteċipaw.
Magna Żmien huwa moviment bil-ħsieb li jiġbor, jikkonverti, u jagħti aċċess lill-pubbliku għall-memorji li qed jintilfu, permezz tad-diġitizzazzjoni ta’ kollezzjonijiet awdjoviżivi u ritratti privati. Dawn il-memorji, li permezz ta’ dan il-proġett, qed jinkisbu lura, ser jipprovdu kuntest kollettiv lill-ġenerazzjonijiet tal-preżent kif ukoll tal-ġejjieni, permezz ta’ pjattaforma diġitali. Titilfux din l-opportunità!
Magna Żmien f’Għawdex jikkoinċidi mat-Tmiem il-Ġimgħa f’Għawdex ta’ Valletta 2018 – fil-15 u s-16 ta’ Settembru. Minbarra Magna Żmien fiċ-Ċittadella, il-ġżira t’Għawdex se tospita wiri ta’ film minn Tafxnaf, proġett ta’ Valletta 2018 li jagħti vuċi lit-tfal permezz tar-rakkontar tal-istejjer u l-ħolqien ta’ films fis-16 ta’ Settembru, kif ukoll l-esibizzjoni 1001 Dreams, li tinkludi collage ta’ ritratti instantanji li jħeġġuna noħolmu mill-ġdid.
Magna Żmien huwa proġett tal-Fondazzjoni Valletta 2018 u jagħmel parti mill- programm kulturali. Dan l-avveniment qed iseħħ bl-għajnuna ta’ Spazju Kreattiv, Reġjun Għawdex u l-Kunsill Lokali tar-Rabat (Għawdex).
Biex tissottometti l-kollezzjoni tiegħek u għal aktar informazzjoni, żur is-sit ta’ Magna Żmien, www.magnażmien.com, ċempel +356 7706 0232 jew żur www.valletta2018.org.
Valletta 2018 Premium Partners: General Soft Drinks Co. Ltd., Coca Cola, Bavaria u Bank of Valletta